Matul dawn l-aħħar xhur sar restawr estensiv fuq il-makkinarju tal-arloġġ u t-turretta fiċ-Ċittadella, Għawdex.
Dan l-arloġġ, tas-seklu tmintax, inħadem minn Ġużeppi Muscat u llum permezz ta’ interventi preċiżi u idejn tad-deheb sarlu r-restawr neċessarju, b’investiment ta’ madwar tnax -il elf ewro.
B’hekk dan l-arloġġ qed jaħdem b’mod mekkaniku kif kien jaħdem fl-imgħoddi.
Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Huwa saħaq li l-involviment u l-koperazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex ma’ entitajiet pubbliċi kif ukoll privati f’dan il-proġett jixhdu l-impenn u l-politika ta’ dan il-Gvern li kull wieħed u waħda minna nistgħu nikkontribiwxxu bil-mod varju tagħna, għall-kura u l-ħarsien tal-wirt nazzjonali tagħna.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Dan huwa ta’ pjaċir għalina l-wirt storiku, wirt storiku anke bħal dan li mhux biss jagħti l-ħin liċ-Ċittadella u lil areas tal-madwar iżda wkoll juri t-talent li għandna ġewwa Malta anke t-talent li writtna mill-ġenerazzjonijiet imgħoddija.”
Id-Direttur għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex John Xuereb saħaq fuq l-importanza ta’ dan id-Direttorat. Huwa qal li d-Direttorat jfassal proġetti li mhux iħarsu dawk li ħallewlna missirijietna biss iżda jtejbu l-wirt li jrid jitħalla għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Intant il-Ministru Clint Camilleri elenka wkoll proġetti oħra li huma pjanati bħax-xogħlijiet ippjanati fuq ir-Ravelin, ix-xogħlijiet kurrenti fuq il-faċilitajiet sanitarji pubbliċi, il-ħolqien ta’ mudell 3D fil-bronż taċ-Ċittadella u r-restawr tan-niċeċ fid-daħla tal-Belt il-qadima Għawdxija.