Raġel ta’ 56 sena mill-Mellieħa qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fuq il-vapur tal-Gozo Channel.
L-inċident seħħ it-Tlieta għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, meta l-Mellieħi u Olandiż ta’ 33 sena residenti Ħal Luqa allegatament ġew fl-idejn fuq il-vapur direzzjoni lejn Għawdex.
Minħabba li l-Mellieħi sofra xi ġrieħi waqt l-argument, ambulanza b’tim mediku ssejħu fil-port tal-Imġarr, fejn itteħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura.
L-Olandiż qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.