521 student qed jattendu bħalissa għall-klassijiet ta’ reviżjoni tal-eżamijiet tal-O Levels b’xejn li se jsiru f’Settembru li ġej.
L-etajiet ta’ dawn l-istudenti jvarjaw bejn il-ħmistax u l-erbgħa u għoxrin sena u kollha se jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti tal-Matematika, Ingliż, Fiżika u Bijoloġija
Fi żjara f’waħda minn dawn il-klassijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici semma kif din is-sena l-istudenti ngħataw l-għażla ta’ lezzjonijiet online.
“Għas-7 sena konsekuttiva ftaħna l-opportunità għal studenti jieħdu lezzjonijiet b’xejn ta’ reviżjoni tas-SEC – Olevels. B’kollox kien hemm 521 student li bbenefikaw minn din l-opportunità u din is-sena għall-ewwel darba tajna lezzjonijiet b’taħlita ta’ online u anke attendenza fiżika.”
Dawn il-lezzjonijiet huma ffinanzjati minn fondi Ewropej b’parti mill-proġett Garanzija Żgħażagħ, li b’kollox s’issa għen erbat elef student.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan l-investiment ta’ miljun ewro se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp edukattiv tal-istudenti Malti u Għawdxin.
“Ġiet minn fuqha somma ta’ miljun ewro u dan hu programm li sakemm ilu li beda mill-bidu tiegħu gawdew minnu aktar minn erbat elef student. Dan huwa metodu pożittiv ieħor kif permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea nkomplu nsaħħu l-edukazzjoni ta’ wliedna.”