F’kollegament telefoniku, Adrian Delia spiċċa juża l-istess retorika fil-konfront tal-Gvern, li l-kandidat li qed itellaq miegħu fit-tellieqa għall-kap Nazzjonalista Bernard Grech, qed juża fil-konfront tiegħu.
Dwar l-imxija, Adrian Delia tkellem hekk dwar il-Gvern. Huwa qal: “Imma jiena niddeskrivih bħala azzjoni immorali.”
B’rabta mal-imxija, il-Kap Nazzjonalista kompla jgħid li pajjiżna mhux imħejji, anki jekk il-Gvern u l-imsieħba soċjali qablu fuq punti ta’ prekawzjoni skont il-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Dan apparti li pajjiżna huwa t-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li qed isiru testijiet għall-Covid-19 biex b’hekk pajjiżna għandu rata ta’ testijiet ta’ tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea u tnejn u għoxrin darba iżjed minn dak rakkomandat mill-għaqda dinjija tas-saħħa.
Waqt li talab biex jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament biex jiddiskuti l-imxija, huwa naqas milli jitkellem fuq l-inkwiet intern li ilu jifni lill-Partit Nazzjonalista, anki taħt it-tmexxija tiegħu.
Delia qagħad attent li ma jużax messaġġi biex jimbotta l-kandidatura tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, anki għaliex jiġi attakkat li qed juża l-midja tal-partit għal skopijiet biex jipprova jegħleb lil Bernard Grech.
Minflok huwa appella lill-Prim Ministru biex jiġi lura minn vaganza: “U mil-lum, qed nagħmel appell, qed nagħmel talba, bħala oppożizzjoni illi l-Prim Ministru jitlaq mill-vaganza tiegħu, jiġi lura lejn pajjiżna.”
Dan għamlu, siegħa wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien fi studjo televiżiv f’Malta jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, fosthom wieħed mill-istazzjon tiegħu stess.