Raġel ta’ 35 sena min-Niġer ntbagħat tlettax-il xahar ħabs wara li kien estradit lejn Malta permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew, b’rabta ma’ każ ta’ frodi.
Il-każ imur lura lejn Ottubru tal-elfejn u tletax, meta il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-Kongo hekk kif kienu se jaħarbu minn Malta, mill-Port il-Kbir ftit tas-sigħat wara li sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mal-ħamsa u sebgħin elf ewro għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien falz.
Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni involuti kienu laħqu telqu bil-flus.
Ftit tal-jiem wara ż-żewġt irġiel tressqu quddiem il-Qorti u wara nstabu ħatja iżda l-investigazzjonijiet tal-pulizija ma waqfux u rriżulta li f’dan il-każ kienet involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport.
Il-Pulizija Maltija, mgħejjuna mill-pulizija Franċiża, wasslet biex tkun iddentifikata t-tielet persuna, li huwa r-raġel minn Niġer.