“Is-saħħa tan-nies tibqa’ prijorità għalina u għalhekk li investejna f’dak kollu li kien meħtieġ biex niġġieldu l-Covid-19”.
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fit-Taqsima tal-Mard Infettiv f’Mater Dei.
Il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-ħaddiema fil-qasam mediku u rringrazzjahom tad-dedikazzjoni tagħhom.
Appella sabiex il-pubbliku jibqa’ jkun prudenti u jimxi mal-prekawzjonijiet li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Prim Ministru żar ukoll iċ-ċentru tal-ittestjar għall-Covid-19 ta’ Pembroke.
Bħal ma għamel it-Tnejn, meta mar Ħal Luqa, Dr. Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru u rrikonoxxa d-dedikazzjoni f’ħidmiethom.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru kien qal li t-tħassib tal-ħaddiema fiċ-ċentri għall-ittestjar tal-virus ġie indirizzat u dawn il-ħaddiema jixirqilhom l-aqwa rikonoxximent u se jkollhom ir-riżorsi disponnibbli kif dejjem kellhom.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif pajjiżna għandu rata għolja ta’ testijiet għall-virus.
Apparti ċ-ċentru ta’ Pembroke u dak ta’ Ħal Luqa se jiftħu żewġ ċentri oħra ta’ testijiet, wieħed f’Ħal Qormi u ieħor f’Burmarrad.
Dan sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jlaħħqu mad-domanda għat-testijiet.
Intant il-jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Robert Abela bdieh bi żjara spontanja fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn.
Il-Prim Ministru kien sodisfatt meta ra lit-tfal ħerqana jipparteċipaw f’attivitajiet imtella’ mill-edukaturi tagħhom waqt Skola Sajf.
Qal li sa minn ċkunithom, lit-tfal irridu nħejjuhom biex ikabbru t-talenti u l-kreattività tagħhom.
Huwa rringrazzja lill-edukaturi ta’ Skola Sajf tal-opportunità ta’ tagħlim li qed jagħtu lit-tfal bil-prekawzjonijiet meħtieġa.