Fl-10:30 ta’ dalgħodu se jitressaq il-Qorti ir-raġel ta’ 35 sena min-Niġer li kien estradit lejn Malta permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew. Dan b’rabta ma’ każ ta’ frodi ta’ madwar €75,000 li seħħ fl-2013.
Ir-raġel kien arrestat fi Franza wara investigazzjonijiet intensivi mmexxija mill-pulizija stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fl-aħħar sigħat ir-raġel inġieb lura Malta minn Pariġi eskortat minn pulizija Maltin.
F’Ottubru tal-2013, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-Kongo hekk kif kienu se jaħarbu minn Malta, mill-Port il-Kbir ftit tas-sigħat wara li sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien deheb falz. Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni involuti kienu laħqu telqu bil-flus f’idejhom.
Ftit tal-jiem wara ż-żewġt irġiel tressqu quddiem il-Qorti u kienu akkużati li għamluha ta’ negozjanti tad-deheb u permezz ta’ deheb falz, ingannaw sid ta’ ħanut is-somma ta’ €75,000. F’Awwissu tal-2014 huma kienu instabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ikkundannati sentejn u sitt xhur priġunerija kull wieħed.
Minkejja dan, l-investigazzjonijiet tal-pulizija ma waqfux u rriżulta li f’dan il-każ kienet involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport.
Il-pulizija Maltija, assistiti mill-pulizija Franċiża, wasslu biex tkun identifikata fejn tinsab din it-tielet persuna involuta f’dan ir-reat u nħareġ mandat t’arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin.