Il-Parlament fetaħ għal seduta speċjali, hekk kif it-Tlieta wara nofsinhar, tmienja u għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa ltaqgħu fil-Parlament sabiex jiddiskutu s-suġġett tal-immigrazzjoni rregolari.
Dan bħala parti mill-aħħar seduta tan-National Student Travel Foundation, l-NSTF. Dawn iż-żgħażagħ ilhom jiltaqgħu minn Ottubru li għadda, sabiex finalment waslu biex iltaqgħu fil-plenarja tal-Parlament. F’din is-seduta, dawn ż-żgħażagħ iddiskutew bħal dak li jsir fil-Kunsill Ewropew
ONE News tkellem ma’ membru minn din l-għaqda, Gianluca Vella li qal kif f’din is-seduta kienu mqasmin fi gruppi.
Vella stqarr, “Iż-żgħażagħ imqassmin fi gruppi, li jirrappreżentaw pajjiżi, jiġifieri għandek pajjiżi bħal Albanija, ir-Renju Unit, l-Italja illi jiltaqaw kif jiltaqgħu l-mexxejja tagħna fil-Kunsill Ewropew li jiddiskutu issues which is up for resolution.”
Fil-bidu ta’ din is-seduta, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal kif hemm bżonn ta’ iktar solidarjetà bejn il-ġnus, sabiex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja tal-immigrazzjoni. Il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti nnota kif huwa jieħu gost bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Parlament, f’diversi seduti speċjali li jsiru matul is-sena.