Abdiqani Omar Abdillahi ta’ tletin sena li m’għandux indirizz fiss wieġeb ħati wara li ttella’ l-Qorti akkużat li fl-24 ta’ Lulju għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu f’Marsalforn f’Għawdex, ikkommetta atti sesswali mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra.
Dan filwaqt li kien mixli wkoll li kkommetta reati li joffendi l-morali f’post pubbliku, li ssuġġetta lil tfajla għal imġieba b’konnotazzjonijiet sesswali u talli kkawża ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq żewġ tfajliet.
Hu kien akkużat ukoll li għamel atti oxxeni waqt li kien xurban, talli kiser il-paċi pubblika, talli espona lilu nnifsu f’post pubbliku u talli jgħix ħajja għażżiena.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkundannah għal tliet snin u nofs priġunerija filwaqt li ordna lill-ħati biex ma jiffasstidjax liż-żewġ tfajliet inkella jeħel multa ta’ elf ewro.
Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trattament ta’ tliet snin għall-vizzju tax-xorb.