Il-President Amerikan Donald Trump qal li seħħet sparatura biswit il-White House, wara li nħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet minn aġent tas-Servizzi Sigrieta.
Lill-ġurnalisti, Trump qalilhom li l-inċident kien taħt kontroll.
Uffiċjal tas-Sigurtà deher tiela fuq il-palk u jgħid xi ħaġa lil Trump f’widnejh, waqt li dan tal-aħħar kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet.
Il-White House tpoġġiet taħt lockdown waqt l-inċident.
Meta rritorna fuq il-palk madwar disa’ minuti wara, Trump qal li l-ewwel rapporti juru li membri mis-Servizzi tas-Sigurtà Amerikani sparaw lejn suspettat li jidher li kien armat.
Qal li raġel ittieħed l-isptar wara l-inċident. L-identità u l-kundizzjoni tiegħu għadhom mhux magħrufa.
Il-President Trump qal li ma jafx jekk is-suspettat kellux lilu fil-mira tiegħu, jew jekk il-każ kellux x’jaqsam miegħu.