Disgħa u għoxrin sena ilu, kienu dawn in-noti ħelwin ta’ din il-kanzunetta li bihom twieled stazzjon, ONE Radio.
ONE Radio beda jxandar bi prova sa sena qabel twaqqaf uffiċjalment fuq il-frekwenza tmienja u tmenin iżda fil-ħdax t’Awwissu tal-elf disa’ mija wieħed u disgħin, dan ir-radju, li sploda fil-popolarità mal-ewwel, beda jxandar fuq il-frekwenza tnejn u disgħin punt sebgħa fuq l-FM.
Ix-xandiriet bdew mill-festa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun.
Dakinhar kienu saru diversi kollegamenti mill-festa ta’ San Gejtanu.
Sa ftit wara t-twaqqif tiegħu, beda jxandar erbgħa u għoxrin, sebat’ijiem fil-ġimgħa.
ONE Radio ta diversi opportunitajiet lil bosta personalitajiet u preżentaturi li bdew il-karriera tagħhom fix-xandir propju minn dan l-istazzjon.
Il-bidu kien iebes iżda mimli entużjażmu kif jistqarr Alfred Zammit, preżentatur fuq ONE Radio sa mit-twelid tar-radju.
Zammit stqarr, “Jiena niftakar illi dak iż-żmien kull preżentatur, kull DJ li kellna, l-ewwel grupp li konna meta bdejna, konna nixtru d-diski minn flusna. Jiġifieri kulħadd konna ftehmna u kulħadd kien xtara għaxar cds pereżempju u allura bdejna l-librerija. Il-librerija bdiet anki minn flusna stess, dak iż-żmien kulħadd ta kontribut biex bdejna u għalhekk is-suċċess li għandna llum.”
Ray Azzopardi kien kap ta’ ONE Radio u dam imexxi r-radju għal aktar minn għoxrin sena.
Fil-bidu ta’ ONE Radio kien hemm ukoll Norman Hamilton imexxi dan l-istazzjon.
Għal dawn l-aħħar seba’ snin, ir-radju qed jitmexxa minn Clint Bajada li semma kif dak li għadu l-aktar stazzjon tar-radju popolari f’pajjiżna qed iwessa’ l-orizzonti tiegħu.
Bajada stqarr, “Inħares ‘il quddiem billi dan l-istazzjon minkejja li llum ir-radju għandu ħafna kompetizzjoni minħabba li daħlet is-social media u affarijiet oħra permezz tal-online xorta waħda se naġġornaw u għandna ħafna affarijiet x’inħabbru fiż-żmien illi ġej. Jiġifieri apparti r-radju se nkunu qed nintegraw dak kollu li qed jiġri fid-dinja, mhux biss f’pajjiżna sabiex ir-radju nħalluh relevanti, mhux biss għal din is-sena li ġejja imma anki għal ħafna snin oħra li ġejjin.”
ONE Radio mhumiex biss il-preżentaturi.
Hemm ukoll is-semmiegħa li huma l-qalb ta’ dan l-istazzjon.
It-tislima wara dawn is-snin kollha bla dubju tmur ukoll għal dawk il-preżentaturi, xandara u semmiegħa li llum m’għadhomx magħna iżda lil ONE Radio kien jisimgħuh u baqgħu leali lejh sa mewthom.
Is-sliem għeżież, dan ir-radju se jkompli fejn ħalla għal kważi tliet deċenji sħaħ.