It-Tnejn filgħaxija rriżenja l-Prim Ministru tal-Libanu Hassan Diab hekk kif il-Gvern kollu ta’ r-riżenja kollettiva fl-eqqel tal-kriżi li feġġet ftit tal-jiem ilu wara li seħħet splużjoni kbira.
Rapporti fil-midja internazzjonali bdew jirrappurtaw li l-Prim Ministru kien se jirriżenja u ftit wara l-Prim Ministru Lebaniż indirizza lin-nazzjon u qal li Alla se jkun qed jipproteġġi lil-Libanu.
Diab ilu biss fil-poter minn Diċembru li għadda wara protesti oħra li wasslu għall-ħolqien ta’ Gvern ġdid.
Issa Diab se jmur għand il-President u jagħti r-riżenja kollettiva tal-Gvern Lebaniż biex il-pajjiż se jkun qed ikollu t-tielet Prim Ministru fi żmien sena.
Il-poplu Lebaniż jinsab irrabbjat għal Gvern tal-pajjiż u fisser kif din l-isplużjoni seħħet wara negliġenza.
Ftit inqat minn tliet elef tunnellata tan-nitrat tal-ammonju kienu maħżuna viċin il-port għal sitt snin.
Il-poplu Lebaniż qed isaqsi mistoqsijiet leġittimi għas-sigurtà ma’ din il-kimika li tintuża anki bħala fertilizzant fl-għelieqi.
Fl-aħħar jiem kienu diġà rriżenjaw Ministri fil-Gvern.
In-numru ta’ peresuni mejta kawża tal-isplużjoni li saret f’Bejrut il-ġimgħa li għaddiet issa jgħodd mal-mitejn.
Dan ikkonfermah il-Gvernatur tal-kapitali Lebaniża, Marwan Abboud, fejn saħansitra qal li għexieren għadhom neqsin, u li ħafna minnhom huma ħaddiema barranin.
Matul il-jum tal-Ħadd issoktaw il-protesti tant li l-vjolenza matul il-lejl ħraxet bil-pulizija spiċċaw f’taqtigħa kontra d-demostranti biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Huwa stmat li l-ħsara fil-pajjiż tammonta għal tliet biljun dollaru, bl-ispiża titla’ iżjed hekk kif l-isplużjoni ħalliet iżjed riperkussjonijiet fosthom kwart ta’ miljun b’darhom imġarrfa jew bi ħsarat estensivi.