L-inizjattivi tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa flimkien mas-settur privat qed ikomplu jissaħħu sabiex il-pazjenti Maltin u Għawdxin ikomplu jinqdew fil-ħin u mingħajr żmien żejjed ta’ stennija. Dan intqal dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet fi klinika dentali privata fiż-Żejtun mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-Ministru Fearne ħabbar li permezz ta’ skema li ħarġet fl-aħħar ġimgħat, fejn il-Gvern qed jibgħat numru ta’ pazjenti li bħalissa jinsabu fuq il-listi ta’ stennija għall-mili tas-snin, s’issa saru 320 mili tas-snin fil-privat, liema servizzi ħallas għalihom il-Gvern. Preżentament hemm tlett kliniċi privati li qed jipparteċipaw fl-inizjattiva mal-Gvern u dawn jinsabu fiż-Żejtun, San Ġwann u Birkirkara.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li permezz ta’ din l-iskema b’kollox hemm ippjanat li se jsiru fil-privat mal-2,000 mili tas-snin, figura li mistennija twassal sabiex tkun indirizzata l-lista ta’ stennija għal dan is-servizz mill-isptar Mater Dei. Hu spjega kif il-listi ta’ stennija fil-kura dentali ilhom jakkumulaw żmien wara li l-amministrazzjoni preċedenti kienet waqqfet is-servizzi li kienu jingħataw fiċ-ċentri tas-saħħa u ċċentralizzat kollox fuq l-isptar Mater Dei. Din is-sitwazzjoni wasslet sabiex il-pazjenti jkollhom jistennew għal żmien twil biex jinqdew jew inkella kien ikollhom imorru jinqdew fil-privat bi ħlas minn buthom.
Il-Ministru semma wkoll inizjattiva oħra dwar il-kura tas-snin dik tal-introduzzjoni ta’Mobile Dental Clinic flimkien mal-Università ta’ Malta fejn dan il-Mobile Unit qed idur diversi lokalitajiet madwar Malta u fuqu jsiru check-ups tas-snin b’xejn lir-residenti tal-lokal.
Ritratt: DOI