Il-President Svizzeru jinsab fi żjara uffiċjali hawn Malta. Ftit tal-ħin ilu, Johann Schneider-Ammann kien milqugħ fi Pjazza San Ġorġ mill-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.
Bħala tifkira taż-żjara, il-President Coleiro Preca rrigalat mudell ta’ karozzin magħmlu mill-fidiferru, filwaqt li l-President Svizzeru preżenta kaxxa tal-mużika li ddoqq l-innu Malti u dak Svizzeru.
Il-President Coleiro Preca qalet li r-relazzjoni hija tajba f’oqsma varji; fis-servizzi finanzjarji, fil-qasam edukattiv u fit-turiżmu. Hawn 572 kumpanija b’shareholder Svizzeru li huma bbażati f’pajjiżna, u dan minbarra istituzzjoni diplomatiċi bħall-Medac. Il-President Svizzeru aċċerta li l-Gvern tal-pajjiż se jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu sabiex il-Medac tibqa’ taqdi l-funzjonijiet diplomatiċi tagħha.
Hekk kif fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla pajjiżna se jieħu f’idejh il-Presidenza Ewropea, ġew diskussi t-temi pendenti li l-Isvizzera għad għandha mal-Unjoni, minħabba li mhiex membru sħiħ.
L-Isvizzeru Schneider Amman insista li ż-żewġ pajjiżi jsaħħu r-relazzjoni tagħhom fir-riċerka u l-kompettività; elementi li jgħinu biex jitjiebu l-impjiegi. Kif mitenni esprima tħassib dwar l-immigrazzjoni u tkellem dwar ir-rieda tal-Isvizzera li tati kontribut biex tinstab soluzzjoni. Qal li jaqbel mal-programm ta’ rilokazzjoni.
Il-President Svizzeru se jdum Malta s’għada u se jkompli jkollu diskussjonijiet bilaterali dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għall-Kunsill Ewropew.
Aktar tard il-President Svediż poġġa l-fjuri fuq il-monument tal-gwerra fil-Floriana.