Bl-Ingliż jgħidu “wake up and smell the coffee” u jidher li hekk hemm bżonn isir, appuntu fejn jidħol il-kafe!
Qed jiżdied l-inkwiet dwar il-kontenituri tal-plastik li jintużaw biex permezz tagħhom isir il-kafe, issa li saru moda l-magni żgħar tal-kafe li sirt issib f’ħafn kċejjen u uffiċji.
Din it-tazza żgħira tal-plastik tidħol fil-magna, tittaqqab, jgħaddi ilma sħun minnha, u fi ftit sekondi jkollok espresso li jixbaħ ħafna dak li ssoltu tħallas għalih ma’ xi bar.
F’sena waħda biss fir-Renju Unit, il-bejgħ ta’ dawn it-tip ta’ kapsoli żdied bi 30%, u nbiegħu aktar minn 500 miljun fl-2015. Hu stmat li 17% tal-Ingliżi kollha għanhdom magna li taħdem b’dawn il-kapsoli. L-Ingliżi jixorbu saħanistra żewġ tazzi u nofs kafe għal kull waħda te.
Dan ifisser aktar skart – mill-aktar tip li jagħmel ħsara. Dawn il-kapsoli huma magħmula minn plastik u aluminium, u jistgħu jieħdu 500 sena biex jiddiżintegraw. Agħar minn hekk, ir-riċiklaġġ ta’ dawn it-tazzi jiswa ħafna flus u ma jagħtix riżultati tajba.
L-eks kap tal-aktar ditta Amerikana ta’ suċċess fil-qasam, Nespresso tal-grupp Nestle, ammetta li l-ħolqien ta’ dawn il-kapsoli kien żball f’termini ambjentali.
Forsi l-ikbar raġuni għas-suċċess tan-Nespresso kien George Clooney, maħtur u mħallas tajjeb ħafna (£30 miljun) biex ikun ambaxxatur tad-ditta. Kien hu li għamel dan it-tip ta’ kafe il-marka tas-sofistikazzjoni. Forsi għalhekk li hu wkoll qed ikun kritikat għaliex inzerta wkoll kelliem qawwi favur il-ħarsien tal-ambjent, fil-faċċata tal-verżjoni ‘Green’ ta’ Vanity Fair, sewwieq ta’ żewġ karozzi elettriċi u kelliem kontra t-tisħin fil-klima.