Fl-ewwel każ Libjan ta’ 38 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ġie arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet minn djar privati fiż-Żebbuġ, Għawdex u f’San Pawl il-Baħar.
Huwa ġie arrestat is-Sibt li għadda, mill-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Vjolenti bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), f’appartament il-Ballutta fejn hemm kien qed jistaħba r-raġel.
Kif induna bil-Pulizija, ir-raġel pprova jattakkahom b’arma li taqta’ u bil-ponta iżda twaqqaf mill-ewwel u ġie arrestat. Fortunatament, ħadd ma weġġa’.
F’każ separat raġel ta’ 30 sena minn Ħal Tarxien – ġie arrestat fiż-Żejtun f’inqas minn 24 siegħa wara li seħħ il-każ.
L-investigazzjonijiet urew li r-raġel kien l-aggressur f’serqa fuq żewġ persuni waqt li kienu qegħdin fi Triq Id-Dugh, f’Marsaskala nhar is-Sibt li għadda. Allegatament, ir-raġel uża taser biex ibeżża’ lill-vittmi.
Dawn l-arresti saru permezz ta’ ħidma mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri flimkien mal-Pulizija tad-Distrett.
Aktar tard illum, il-Pulizija se tressaq b’arrest lil dawn il-persuni quddiem il-Maġistrat Dr Victor Axiaq b’akkużi relatati ma’ dawn iż-żewġ każijiet.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.