Ġenituri ta’ tarbija wieġbu ħatja li l-Ħadd filgħodu ppruvaw jaħarbu minn Malta. Il-familja ġiet arrestata mill-Pulizija tal-Port wara li fis-06:30 ppruvaw jaħarbu minn Malta b’passaport Norveġiż falz.
L-Ispettur Hubert Gerada li mexxa l-prosekuzzjoni spjega li l-persuni, inkluż it-tarbija ta’ ftit xhur, ġew miżmuma qabel telgħu fuq il-katamaran lejn Sqallija. Il-ġenituri ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-familja kollha inkluż it-tarbija ta’ ftit xhur tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li tat sentenza ta’ sitt xhur priġunerija lill-missier u sitt xhur sospiżi għal sentejn għall-omm.
Il-Maġistrat Lia wissiet lill-omm li għandha responsabilità kbira lejn it-tarbija hekk kif jekk tikkometti reat ieħor fi żmien sentejn se tkun qed teħel sitt xhur ħabs.