Tnieda ktieb li jfakkar il-15-il anniversarju minn meta reġa’ ġie organizzat il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa. L-idea ta’ dan il-ktieb nibtet waqt laqgħa li kellha mal-kumitat ta’ din l-għaqda sportiva.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet ippreżentata bil-ktieb, ‘Id-distrett ta’ Birżebbuġa: 15-il sena minn meta reġa’ ġie organizzat’. Dan il-ktieb hu miktub minn Alex Azzopardi u jagħti ħarsa lejn l-istorja kollha tal-klabb.
Il-preżentazzjoni saret mill-president tal-klabb, Ian Farrugia, waqt attività quddiem il-maħżen tad-dgħajjes li l-klabb għandu x-Xatt tal-Belt.
Waqt il-preżentazzjoni l-Ministru Farrugia Portelli qalet li din hi għaqda li l-impenn tagħha mhuwiex biss lejn iż-żgħażagħ tal-lokalità imma wkoll fuq bażi nazzjonali bil-parteċipazzjoni tagħha f’avvenimenti bħalma hija r-Regatta Nazzjonali tat-8 ta’ Settembru u dik ta’ Jum il-Ħelsien 31 ta’ Marzu.
Il-Ministru qalet li dawn huma avvenimenti segwiti mhux biss minna l-Maltin imma jiffurmaw parti mill-kalendarju turistiku.
Hi esprimiet is-sodisfazzjon meta tara għaqda volontarja bħal din toffri żvog sportiv lil numru sostanzjali ta’ żgħażagħ mil-lokalità.
Il-Ministru Farrugia Portelli għamlet aċċenn għall-benefiċċji li l-qasam sportiv iħalli fuq s-saħħa tal-bniedem, filwaqt li jbiegħed diversi persuni mill-vizzji.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju ta’ Klabb Regatta Birżebbuġa Freeport, Simon Micallef, irringrazzja lill-Ministru għas-sostenn tagħha matul is-snin u ħeġġeġ lid-dilettanti biex jakkwistaw kopja tal-ktieb b’xejn u fl-istess waqt ikun apprezzat jekk tingħata donazzjoni lill-klabb.
Klabb Regatta Birżebbuġa twaqqaf l-ewwel darba fl-1971 imma maż-żmien waqaf milli jkompli jiffunzjona sakemm reġa’ ġie organizzat fis-sena 2004. Minn dakinhar il-klabb ħa sehem regolari fit-tiġrijiet organizzati mill-Għaqda Regatta Nazzjonali, 30 regatta maqsumin fi 15-il regatta ta’ Jum il-Ħelsien u 15 ta’ Jum il-Vitorja.