Il-Gvern Amerikan impona sanzjonijiet fuq diversi traffikanti li skontha qed jikktribwixxu lejn l-instabilità fil-Libja.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo, intqal li s-sanzjonijiet ħarġu fil-konfront ta’ Faysal al-Wadi, Musbah Mohamad M Wadi u Nourddin Milood Musbah.
Il-kumpanija bbażata f’Malta Alwefq ukoll intlaqtet mis-sanzjonijiet.
Skont l-Istati Uniti Faysal al-Wadi ħadem ma’ diversi kuntatti fl-Afrika ta’ Fuq u n-nofsinhar tal-Ewropa biex ikun traffikat fjuwil u drogi mil-Libja għal Malta.
L-istqarrija qalet li l-kompetizzjoni għall-kontroll tar-rotot ta’ traffikar, faċilitajiet taż-żejt u tat-trasport huwa pedina ewlenija għall-kunflitt fil-Libja u ċċaħħad lil Libja minn riżorsi ekonomiċi.
L-istqarrija mid-Dipartiment tal-Istat kompliet tgħid li l-operazzjonijiet illeċiti ta’ Wadi kienu jestendu minn Zuwara fil-Libja għal żona marittima magħrufa bħala Hurd’s Bank ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin.
Skont l-Istati Uniti din iż-żona hija magħrufa għal traffikar fuq il-baħar, b’Wadi allegatament jorganizza dawn l-attivitajiet illeċiti permezz tal-bastiment tiegħu Maraya.