Wara sigħat ta’ diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ntlaħaq qbil fuq ħafna punti diskussi dwat is-sitwazzjoni preżenti tal-imxija.
Qal li l-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru, ħlief it-tiġijiet, li jistgħu jsiru b’numru ta’ miżuri.
Il-Prim Ministru stqarr, “Kellna qbil fuq il-punti kollha ħlief għall-Assoċjazzjoni Medika Maltija li qablet mal-punti kollha li ssemmew ħlief għal punt wieħed li jikkonċerna attivitajiet bħal tiġijiet. Attivitajiet tal-massa mhux se jsiru, id-diverġenza mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet fuq attivitajiet bħalma huma tiġijiet. Il-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali kollha hija li għandhom isiru b’restrizzjonijiet u l-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni Medika hija li dawn m’għandhomx isiru.”
F’kummenti li ta lill-midja fi tmiem laqgħa ta’ madwar sitt sigħat mal-MCESD f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li ntlaħaq bilanċ permezz ta’ miżuri li jissalvagwardjaw saħħet il-poplu u fl-istess waqt li jħarsu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dr Abela saħaq, “Fil-kuxjenza tiegħi ma nistax inħares f’għajnejn dik il-koppja li għada ser tiżżewweġ u ngħidilha inti għada trid tikkanċella t-tieġ tiegħek. Iva, ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-mod kif tiġi ċċelebrata ġurnata tant importanti, però jiena ma nħossnix li nista’ lil dik il-koppja li tant ilha tistenna dan il-jum importanti f’ħajjitha, għada, fi ftit sigħat, ngħidilhom ħa jkollkom tħassru ċ-ċelebrazzjoni tagħkom.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li se jkun hemm numru ta’ kontrolli għall-attivitajiet li se jitħallew isiru.
Il-Professru Gauci qalet, “Mhux ħa jsiru mass events però nafu li hemm ċertu events li jistgħu jiġu organizzati però dawn iridu jiġu organizzati bil-kontroll allura ħa jkun hemm capping tan-numru ta’ nies li jistgħu u jkunu qegħdin hemm bħala event li tiġi organizzata u hemm differenza bejn dawk li jsiru ġewwa u dawk li jsiru barra.”
Il-Professur Gauci qalet li l-ilbies tal-maskri se jkun obbligatorju f’ċertu postijiet fejn jinġemgħu n-nies, u semmiet l-infurzar ta’ dan hekk kif min jinqabad mingħajr maskra se jeħel multa ta’ ħamsin ewro.
Hi saħqet, “Ħa jkun obbligu legali bħalma diġà kien issa ħa jiġi iktar infurzat, li jekk inti għandek l-użu tal-maskri bilfors fuq tal-linja, fir-retail outlets, fuq il-Gozo Channel u anki fit-terminal tal-Ajruport u ħa jkun hemm multa fuq il-persuna jekk ma jilbishiex ta’ ħamsin ewro.”
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li n-nies se jkunu jistgħu jibqgħu jżuru l-anzjani u l-qraba fl-isptar, iżda hawnhekk ukoll se jittieħdu l-prekawzjonijiet biex jiġi evitat il-kuntatt fiżiku ma’ dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli.
Il-Professur Gauci saħqet, “Ħa jsiru restrizzjonijiet għall-viżitaturi allura l-viżitaturi ħa jkunu jistgħu jaraw lill-anzjani tagħhom xorta però dan ħa jkun qed isir minn wara l-perspex biex aħna nkomplu nipproteġu lill-anzjani. Anki fl-isptar tagħna, ħa jkollna nerġgħu ndaħħlu naqra iktar restrizzjonijiet tal-visiting hours biex aħna nipproteġu lil dawn il-pazjenti li għandna fl-isptar tagħna.”
In-numru ta’ testijiet li saru f’pajjiżna kien fattur li wassal għas-suċċess fil-mod kif ġiet ikkontrollata l-imxija f’Malta.
Għaldaqstant, mill-ġimgħa d-dieħla, se jiftħu żewġ ċentri ġodda għall-ittestjar tal-COVID-19 biex l-awtoritajiet tas-saħħa jlaħħqu mad-domanda tal-ittestjar għall-virus.
Intant, wara l-laqgħa tal-MCESD, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Dr. Martin Balzan ikkonferma li d-direttivi industrijali li mponiet l-Assoċjazzjoni se jibqgħu fis-seħħ.
Il-MAM kienet l-unika unjin li baqgħet kontra anki dak li beda jiġi miftieħem fuq parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Dan filwaqt li l-Ġimgħa filgħodu, fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, issospendiet l-azzjonijiet industrijali b’mod immedjat.