Il-finali tal-Fireworks Festival li kellu jsir illejla fil-Belt se jixxandar biss fuq TVM.
Dan ħabbritu l-Ministru għar-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fejn qalet li fuq pariri ta’ esperti fil-piroteknika, il-ħruq tan-nar irid isir xorta minħabba li n-nar diġà mgħammar fuq il-post.
Dan hekk kif ikun ta’ periklu jekk in-nar jerga’ jiġi rilokat u żmantellat.
Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li ttieħdet id-deċiżjoni biex dan l-avveniment annwali li jsir fuq l-art, biswit l-eks Pixkerija l-Belt, jitħassar biex ma jinġemgħux l-eluf ta’ nies inkluż turisti li normalment kull sena jattendu għalih.
Hi appellat lill-pubbliku biex isegwu l-ispettaklu minn fuq it-televiżjoni biss.