Ikkonfermati mill-inqas żewġ każi ta’ Spanjuletti li bejtu fil-Gżejjer Maltin din is-sena
Wara ġimgħat ta’ riabilitazzjoni, fl-aħħar jiem żewġ Spanjuletti (Common Kestrel) – raġel u mara – inħelsu f’Kemmuna.
L-Ispanjulett raġel, li ngħata l-isem ‘Baal’ wara wieħed mill-Allat tal-Feniċi, instab fiż-Żejtun f’Lulju b’feriti kkawżati minn tir ta’ senter li rriżultaw f’ġewnaħ miksur. Wara li l-veterinarji tagħna eżaminawh u studjaw kif il-ferita setgħet tfiq, kien deċiż li jsir tentattiv biex l-għasfur jiġi riabilitat. Li Baal jinżamm għal ftit żmien taħt osservazzjoni kien neċessarju biex jingħata l-ikel u jiġi mħares sakemm ikun jista’ jerġa’ jtir imma l-Ispanjulett malajr reġa’ beda jiekol waħdu u jagħmel użu mill-passiġġiera li tpoġġietlu apposta fil-post fejn kien qed jinżamm.
L-Ispanjulett mara, li kienet ferħ, ingħatat l-isem ‘Tanit’ – ukoll wara waħda mill-Allat ta’ żmien il-Feniċi – u nġabret minn Ħal Qormi fit-8 ta’ Awwissu b’sinjali li kienu juru ċar li kienet maqbuda u miżmuma illegalment. Għalkemm meta nstabet ma setgħetx ittir, irkuprat malajr u wara xahar ta’ riabilitazzjoni kienet lesta biex tinħeles.
Fiż-żewġ każi, l-għasafar ġew mgħoddija f’idejn BirdLife Malta wara li l-veterinarji ddikjaraw li għalkemm sofrew feriti, setgħu jiġu riabilitati fi ftit ġimgħat. L-istess veterinarji kienu l-ħin kollu f’kuntatt ma’ BirdLife Malta biex jaċċertaw irwieħhom dwar il-progress tal-Ispanjuletti.
Birdlife żguraw li l-kuntatt uman mal-għasafar ikun mill-inqas possibbli, ħalli ma jidrawx lin-nies. “Anke jekk ma tantx kien hemm bżonn ta’ xi sforz kbir minħabba li l- Ispanjuletti xorta waħda xejn ma ħadu grazzja magħna, li minnu nnifsu hu fatt pożittiv!” qalu fi stqarrija.
Qabel ġew rilaxxati, sew Baal kif ukoll Tanit twaħħlulhom ċrieket. L-Ispanjulett (Falco tinnunculus) huwa tajra tal-priża żgħira li tifforma parti mill-familja tal- falkuni u jintgħaraf l-aktar mill-mod kif jittajjar u jikkaċċja l-priża tiegħu. Normalment tarah jittajjar għall-ikel fuq l-għelieqi u għandu vista tajba ħafna tant li kapaċi jidentifika l-priża minn distanza sa 20 metru ’l fuq mill-art.
BirdLife Malta hi konxja ta’ mill-inqas żewġ każi ta’ Spanjuletti li din is-sena bejtu fil-Gżejjer Maltin, u tittama li jkollna aktar suċċessi bħal dawn is-sena d-dieħla.