Tnediet kampanja edukattiva għat-tfal tal-iskola dwar l-indafa fit-toroq fejn jidħlu l-annimali, fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Din qed issir biex titqajjem kuxjenza dwar in-nuqqas ta’ ndafa li jista’ jkun hemm fil-lokalitajiet jekk is-sidien tal-annimali ma jnaddfux wara l-annimali tagħhom minnufih.
Il-kampaja qed issir b’ħidma mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, il-LESA u l-Kummissjoni għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, is-Sur Dermot Galea qal: “Meta ġejna avvviċinati bħala fondazzjoni mill-Kunsill għal din il-kampanja, ilqajniha b’ferħ kbir għaliex kampanji bħal dawn huma fil-linji gwida tagħna bħala fondazzjoni.”
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li dan kollu se jgħin biex l-irħula jinżammu nodfa.
Hija spjegat: “Biex inħeġġu t-tfal jgħidu l-ġenituri joħorġu bil-borża. Qassamna l-boroż lit-tfal tal-iskola li huma adulti biex jgħadduhom lill-ġenituri u joħorġu biha. Inzijattiva oħra hi li l-kelb m’għandux ikun mingħajr ċinga.”
Intant il-Ministru għall-edukazzjoni Owen Bonnici spjega li dawn il-kampanji jnisslu sens ta’ responsabbiltà f’uliedna u jrawmu l-għaqal fl-istudenti.