Illum jaħbat l-anniversarju tat-twelid tal-Perit Duminku Mintoff, eks Prim Ministru ta’ Malta u eks mexxej tal-Partit Laburista. Mija u erba’ snin ilu f’Bormla twieled Mintoff, bin Wenzu u Ċetta.
Apparti li studja fl-Università ta’ Malta, huwa kien irċieva borża ta’ studju f’Rhodes u aktar tard studja f’Oxford. Huwa beda jaħdem attiv fil-Partit tal-Ħaddiema fil-kumitat lokali ta’ Bormla.
Kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u waqaf biss meta mar jistudja barra. Serva fil-Kunsill tal-Gvern u wara li pajjiżna ngħata l-Kostituzzjoni tal-1947 huwa kien Deputat Prim Ministru fl-ewwel Gvern Laburista ta’ Pawlu Boffa. Hawnhekk Mintoff kien anki deputat mexxej tal-Partit Laburista.
Wara l-isplit fil-partit, Mintoff laħaq mexxej tal-Partit tal-Ħaddiema u fi ftit snin laħaq Prim Ministru.
Fl-1955, Mintoff sar Prim Ministru ta’ 38 sena. Mintoff imbotta l-politika tal-integration bil-għan li ħajjet il-Maltin titjieb bħal dik tal-ħakkiem Ingliż.
Fis-sittinijiet Mintoff mexxa lill-Partit Laburista u s-suldati tal-azzar waqt id-dnub il-mejjet impost mill-Knisja Kattolika f’Malta għal kull min jappoġġja lill-Partit Laburista.
Fl-1971, Mintoff reġa’ sar Prim Ministru u dam imexxi l-Gvern Malti sal-1984. F’dan iż-żmien jibqa’ mfakkar għar-riformi soċjali kbar li wettaq bl-għoti tas-servizzi soċjali, attira l-investiment, għamel lil Malta, repubblika u fl-1979 għalaq il-bażi militari Ingliża f’Malta u hekk sirna ħielsa. Din tal-aħħar hija meqjusa bħala l-ikbar kisba politika ta’ Mintoff.
Fil-fora internazzjonali Mintoff mexxa ‘l quddiem il-politika favur il-paċi u n-newtralità fl-eqqel tal-gwerra l-bierda u fil-konferenza ta’ Ħelsinki baqa’ mfakkar mad-dinja kollha li kien il-pijunier biex jidħol dak magħruf bħala l-kapitlu tal-Mediterran biex tassew issaltan il-paċi f’dan ir-reġjun.
Mintoff baqa’ fil-Parlament sal-1998 meta kien hemm nuqqas ta’ qbil mal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Dr Alfred Sant.
Mintoff baqa’ attiv fix-xena politika permezz tal-Front Maltin Inqumu fejn ikkampanja kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Mintoff miet fl-20 t’Awwissu tal-2012 fl-eta ta’ 96 sena, f’daru f’Ħal Tarxien.
Kienu eluf li marru jsellmu lill-eks mexxej Malti. Id-dinja wkoll kienet irrappurtat il-mewt ta’ dak deskritt bħala statista u ġgant fil-politika.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/08/06/il-partit-laburista-jsellem-il-memorja-tal-perit-dom-mintoff-2/