Madwar 150 persuna minn oqsma differenti ingħaqdu flimkien f’think tank li fassal proposti għat-triq il-quddiem għal kull qasam. B’hekk jinħoloq pjan uniku għall-pajjiżna li jisfrutta l-aħjar mod dan iż-żmien sabiex l-ekonomija tagħna tirpilja b’iżjed qawwa fi tmiem il-pandemija.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur David Xuereb stqarr: “Ninfluwenzaw u ngħinu lil Gvern biex jiżviluppa Budget li nafu li ser jiġi mħabbar f’Ottubru bħal ma ssoltu jiġri, biex ikun influwenzat mir-realtajiet li nafu li jistgħu jagħmlulna l-futur tagħna aħjar. Iffukat fuq il-wellbeing, fuq il-quality of life tal-ħajja tan-nies u l-impjegati għax mingħajr dik mhux ser ikollna ekonomija reżiljenti u b’saħħitha u wara li jkollna l-ewwel step, dan huwa proċess ta’ erba’ u għoxrin xahar, bħalma għidtilkom dalgħodu u kull step inkunu qed naraw, xi tweaking, x’addattament, x’improvement nistgħu nagħmlu biex dejjem inkunu aħjar milli stajna inkunu.”
F’laqgħa li fiha l-gruppi differenti minn kull qasam ippreżentaw il-proposti tagħhom, ic-chairman tat-think thank, Joshua Zammit, spjega kif il-Kamra tal-Kummerċ dawret id-diskussjoni ma’ sitt xenarji differenti li jħarsu lejn is-settur minn perspettivi differenti. Spjega kif l-iktar xenarju realistiku huwa li l-attività ekonomika tirpilja iżda jkun hemm tnaqqis meta jkun hemm żieda fil-każijiet. L-attività ekonomik terġa’ tiżdied hekk kif in-numru ta’ każijiet jerġa’ jonqos.
Il-President ta’ Malta George Vella, li kien preżenti, stqarr li huwa ser ikun hemm biex jisma’ l-bżonnijiet ta’ dawk kollha involuti filwaqt li l-Ministru fl-uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela spjega kif il-Gvern ser ikun hemm biex jisma’ l-viżjoni ekonomika ta’ dawk involuti fl-oqsma tan-negozju.
Intant l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli spjegat kif dan huwa mument importanti li fih inħarsu lejn modi ġodda ta’ kif nistgħu niddiversifikaw l-ekonomija Maltija u nġibu bidla fil-mod ta’ kif naħdmu.