Minkejja s-sħana ta’ Awwissu, l-atleti ewlenin kif ukoll dawk emerġenti rreġistraw sensiela ta’ prestazzjonijiet mill-aqwa waqt il-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ kif ukoll waqt l-Open Challenge tal-kbar organizzati mill-Malta Amateur Athletics Association fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Xejn anqas minn seba’ rekords inkisru matul jumejn mimlija avvenimenti fit-trakka ta’ Matthew Micallef fil-Marsa, fejn ħadu sehem 245 atleta f’46 avveniment.
Julian Zarb (La Salle) ipproduċa prestazzjoni mill-aqwa fil-1,500m steeplechase f’4.58.6, filwaqt li Daniel Saliba ta’ Pembroke tejjeb ir-rekord nazzjonali fil-kategorija Open fil-110m hurdles, għat-tieni darba dis-sena, f’ħin ta’ 15.34s.
Sarah Chouhal (Rush Athletics Club), irreġistrat ħin ta’ 1.06.90 fl-ewwel darba tagħha fl-400 metru hurdles, biex b’hekk waqqfet record nazzjonali ġdid għall-kategoriji kemm tal-Under 18 kif ukoll l-Under 20.
Antonio Flores (Zurrieq Wolves) kiser ir-rekord nazzjonali paralimpiku fil-kategorija 100m T64 f’ħin ta’ 12.71s.
Barra dawn l-erba’ rekords, tliet atleti kisbu Rekord tal-Kampjonati fl-età rispettivi tagħhom. Dawn kienu Luca Gerada (Starmax – U14) li tefa’ 27.35m fil-javelin, Miguel Buttigieg (La Salle Athletics Club – U16) b’38.62min fid-discus u Mireya Bugeja (Zurrieq Wolves – U14) li rreġistrat 1.40.53 fis-600 m.
Riżultati notevoli oħra kienu dawk ta’ Luke Bezzina (St. Patrick’s) b’10.88s fil-100m, Jean Paul Debono (Żurrieq Wolves) b’4.06.25 fl-1,500m u Christian Chetcuti ta’ Pembroke b’personal best ta’ 1.56.96 fit-800m.
Pembroke’s Carla Scicluna (U20) rebħet il-200m fejn niżlet għall-ewwel darba taħt il-25 sekonda (24.89s), f’dwell eċitanti ma’ Janet Richard li daħlet f’24.90s.
Ir-rebbieħ tal-400m kien l-atleta ta’ taħt l-20 sena Luca Farrugia (Rush AC), li niżel għall-ewwel darba taħt il-50 sekonda b’49.83s, ħin li mhux biss kien l-aqwa ħin personali għalih iżda t-tielet l-aqwa ħin qatt irreġistrat f’din il-kategorija f’pajjiżna.
Fil-5000m ġew reġistrati diversi personal bests, minkejja sħana kbira. It-tellieqa intrebħet mill-atleta U20 David Borg (Athletix Gozo), f’ħin ta’ 16.43. Lisa Marie Bezzina ta’ Pembroke Athleta waslet l-ewwel fil-kategorija femminili b’17.02 quddiem Joelle Cortis 17.04 (St. Patricks).
Iċ-ċerimonja ta’ preżentazzjoni saret ilbieraħ filgħaxija.
Ritratt: Wally Galea