Ġiet installata sistema ġdida ta’ dwal permezz ta’ enerġija solari fix-Xlendi. Dan bħala parti minn proġett pilota, li naqqas drastikament it-tniġġis tad-dawl fl-inħawi.
Fix-Xlendi ġew installati tlettax minn dawn l-arbli.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li t-tniġġis tad-dawl ittieħed f’konsiderazzjoni u għalhekk dawn id-dwal il-ġodda qegħdin jinxtegħlu meta jkun hemm bżonn u bl-ammont neċessarju.
Dan bl-użu ta’ intelligent lights b’motion sensors, u għalhekk ikun hemm id-dawl meta meħtieġ biss.
“Qed nagħmlu użu intelliġenti wkoll u użu ekonomiku mill-enerġija li qed tiġi harnessed minn sorsi fotovoltaiċi. Qegħdin naraw li l-proġett ta’ sistema elettrika qiegħda taħdem b’mod tajjeb u nħarsu ‘l quddiem ukoll sabiex inkomplu nimplimentawh f’żoni oħrajn sabiex inkomplu nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna fejn tidħol il-light pollution.”
Il-Ministru Camilleri stqarr li huwa l-ambjent ta’ madwarna li jsofri mit-tniġġis li nikkawżaw, fosthom permezz tad-dawl, u għalhekk din l-iniżjattiva hija turija ċara li l-Ministeru għandu għal qalbu l-ħarsien tal-ambjent u li kontinwament jaħdem għal Għawdex aħjar.