Riċerka li għamlet l-Awtorità tal-Ambejnt u r-Riżorsi, l-ERA, juri li t-tendenzi tar-rimi tal-iskart tul żmien il-pandemija baqgħu l-istess.
Ir-riċerka tal-Awtorità ġiet xprunata minn domanda parlamentari li kien wieġeb il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia.
Bejn Marzu u Mejju tal-2019, id-Direttorat tal-Infurzar tal-ERA rċieva 31 rapport ta’ rimi ta’ skart. Dawn jinkludu rapporti ta’ rimi ta’ kwalunwe tip ta’ skart, inkluż dak domestiku.
B’hekk peress li fl-istess perjodu tal-2020 kienu waslu 38 rapport ta’ rimi ta’ skart, f’dan il-perjodu tal-2020 irriżulta li daħlu seba’ rapporti iktar mill-2019.
Id-Direttur għall-Infurzar fi ħdan l-Awtorità, Mario Schembri, qal li dawn it-tip ta’ varjazzjonijiet jarawhom ukoll f’sitwazzjonijiet normali.
Huwa spjega: Statistikament mhux xi ħaġa li tagħti kasha, għaliex ittieħdet fuq perjodu pjuttost qasir, u minn xahar għal ieħor ikun hemm varjazzjonijiet anke f’sitwazzjoni normali.”
Hawnhekk spjega wkoll l-importanza li l-infurzar, anke fi żmien fejn il-pubbliku jkun kostrett jibqa’ f’daru, jibqa’ kostanti.
Is-Sur Schembri sostna: “Fl-istess perjodu l-infurzar baqa’ għaddej b’mod normali kemm f’dak li hu skart domestiku li jinħareġ wara l-bieb u jinġabar mit-triq, u anke rimi ta’ skart ieħor li jsir f’postijiet aktar diżabitati u bil-lejl.”
F’Ġunju li għadda l-Era proponiet żidiet fid-deterrenti għal min jinqabad jarmi b’mod illegali, fejn grazzi għalihom il-Pulizija se jkollha s-setgħa titlob sekwestru tal-karozza li biha jkun sar ir-reat. Fost oħrajn kien propost ukoll li persuna tkun imħarrka €500 jekk tinqabad tarmi tagħmir elettroniku fil-pubbliku.