Infetaħ il-proċess ta’ sejħa fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fir-rank ta’ Spettur. Il-pożizzjoni ta’ Spettur tal-Pulizija primarjament tinkludi dmirijiet marbutin mal-investigazzjonijiet kriminali, prosekuzzjoni fil-Qrati Inferjuri u t-tmexxija ġenerali marbuta mal-għassa jew branka speċjalizzata li wieħed ikun stazzjonat fiha.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela spjega li din is-sejħa hija parti mill-proċess għat-tisħiħ fil-middle management fil-Korp tal-Pulizija. Il-Ministru elenka li d-dmir ta’ Spettur huwa rwol li jirrikjedi nies b’rieda soda u grinta biex imexxu ’l quddiem ir-riformi neċessarji fit-taqsimiet li se jiġu fdati lilhom għal Korp iżjed modern u qrib in-nies.
Il-proċess ta’ taħriġ jinkludi tliet fażijiet:
- Il-kandidati li jgħaddu mill-ewwel parti li tikkonsisti f’eżamijiet fiżiċi, mediċi u intervista, fit-tieni parti se jkunu meħtieġa jattendu kors part-time fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. Dan se jitratta l-iktar tagħlim fuq proċeduri u kitba ta’ rapporti waqt il-qadi ta’ dmirijietom u l-investigazzjonijiet.
- Fit-tielet parti, li hi sena ta’ perjodu ta’ prova, filwaqt li jkunu assenjati dmirijiet prattiċi marbutin mal-kariga tagħhom, se jingħataw l-opportunitá li jattendu għal Diploma in Policing mid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fl-Universitá ta’ Malta
Dawk interessati li japplikaw għal Spettur fil-Korp tal-Pulizija għandhom idaħħlu l-applikazzjoni tagħhom mat-Taqsima tar-Riżorsi Umani fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana sa nhar it-Tnejn 19 ta’ Settembru 2016, f’nofsinhar.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn dan is-sit:http://www.gov.mt/en/Government/Employment%20Opportunities/Pages/Post-of-Police-Inspector-in-the-Malta-Police-Force.aspx