B’referenza għall-rapporti fil-mezzi tax-xandir, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin irrimarka li, fl-operazzjoni tat-tneħħija ta’ kimiċi industrijali mil-Libja, r-rwol ta’ Malta kien parti mill-obligazzjoni bħala membri tal-Organizazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi u bħala pajjiż li kellu l-interess li dan it-tip ta’ materjal ma jaqax f’idejn elementi estremisti li setgħu jużawħ għad-detrement ta’ ċittadini fil-pajjiż, jew f’pajjiżi ġirien.
Fi stqarrija l-Ministeru spjega li t-‘tunellati ta’ materjal kimiku’ li ssemmew fir-rapporti fl-ebda ħin ma għadda minn Malta. Fil-ġimgħat qabel dan il-materjal ġie trasportat mil-Libja għal pajjiżi Ewropej fejn kellu jiġi distrutt bi proċess kimiku, ried jiġi aċċertat in-natura u l-kwalita’ tal-materjal li kien instab fil-Libja.
Malta, flimkien ma’ pajjiżi Ewropej oħra, aċċettat li tirċievi f’pajjiżna kampjuni li kienu jikkonsistu f’mhux aktar minn 50 kampjun ta’ 10ml kull wieħed tas-sustanzi varji li nstabu u li min hawn jittieħdu bl-ajru għal destinazzjoni oħra biex isiru l-eżamijiet kimiċi fuqhom.
Is-‘samples’ kienu kollha ppakkjati individwalment f’sensiela ta’ pakketti li assiguraw li fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma jkun hemm periklu li l-materjal tal-kampjuni, minkejja li żgħar ħafna, ma jiġi b’xi mod f’kuntatt mal-ambjent.
Dawn il-pakketti ssiġillati waslu Malta bil-baħar u ġew trasferiti mall-ewwel bl-ajru barra minn pajjiżna fuq ajruplan apposta mibgħut minn pajjiż Ewropew. It-traġitt tal-kampjuni minn pajjiżna ma damx aktar minn ftit siegħat u l-proċess kollu kien sorveljat il-ħin kollu minn uffiċjali tal-Organizazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi.
Id-deċiżjoni li Malta tipparteċipa b’dal-mod ittieħdet wara diskussjonijiet ma’ speċjalisti fil-qasam tal-kimika u flimkien ma’ Ministeri oħra li setgħu jkunu konċernati, fosthom dawk tal-Intern, Saħħa, Gustizzja u Ambjent, u bħala parti mir-responsabiltajiet internazzjonali ta’ pajjiżna.
It-tieni parti tal-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan it-trasferiment ta’ kimika kien li Malta wegħdet li tipprovdi faċilitajiet ta’ għajnuna medika għal dawk li setgħu jiġu affettwati f’każ remot ta’ xi inċident waqt it-traġitt ta’ dan il-materjal fil-Libja għal fuq il-vapur li kellu jġorr dan il-materjal u fil-perjodu sakemm il-vapur joħroġ barra mill-periklu ta’ xi attakk minn estremisti waqt li kien qed ibaħħar.
Dan sar ukoll bi qbil mal-Ministeri kollha konċernati u wara assikurazzjonijiet minn uffiċjali għolja tal-Organizazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi li f’każ ta’ inċident, dawk korruti jiġu riferuti biss wara li jkunu ġew ‘detoxified’ u mnaddfa mill-kimika perikoluża.
F’din l-operazzjoni Malta ħadmet id f’id ma’ pajjiżi oħra fosthom id-Danimarka, l-Kanada, l-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika.
Bħal ma kien sar fil-każ tat-trasferiment tal-kimiċi tossiċi misjuba fis-Sirja, f’dan il-każ ukoll, fl-ebda ħin f’din l-operazzjoni ma kien previst li jintrema dan il-materjal tossiku fil-baħar.