L-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa għażel li jiftaħ attakk ieħor fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Casa huwa wieħed mid-dsatax-il deputat li sfiduċja lil Adrian Delia fil-laqgħa tal-grupp parlamentari.
Quddiem il-bord tal-inkjesta, David Casa xehed li s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kien offra l-flus sabiex hu ma jiġix elett fil-Parlament Ewropew.
Din l-allegazzjoni kien saret għall-ewwel darba mid-deputat ta’ kontra Delia, David Thake. Huwa kien allega li Yorgen Fenech offra ħamsin elf ewro lil Adrian Delia sabiex David Casa ma jiġix elett.
B’rabta ma’ din l-allegazzjoni, David Thake tefa’ lil Adrian Delia taħt investigazzjoni mill-pulizija u minn inkjesta maġisterjali, sabiex jiġi stabbilit din l-allegazzjoni hiex vera jew le.
F’xhieda li ta l-Ġimgħa filgħodu, Casa qal li m’għandux evidenza ta’ ħlas bejn Yorgen Fenech u l-Partit Nazzjonalista biex hu ma jiġix elett iżda Casa qal li beda jħoss li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex jimbuttah biżżejjed bħala kandidat Nazzjonalista u ma bediex jingħata biżżejjed spazju fil-midja. Qal li Adrian Delia neħħiħ minn Kap tad-delegazzjoni.
Għal dan kollu Adrian Delia ħareġ stqarrija biex jwieġeb lil David Casa.
Qal li huwa jilqa’ b’sodisfazzjon x-xhieda ta Casa li qal li m’għandux evidenza ta’ ħlas bejn Yorgen Fenech u l-Partit Nazzjonalista biex hu ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet.
Delia ċċara ukoll li David Casa kien baqa’ Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew meta huwa sar Kap tliet snin ilu iżda wara r-riżultat tal-elezzjoni tas-sena li għaddiet, meta Robert Metsola ġabet aktar voti minn David Casa fl-ewwel għadd kienet ċar id-deċiżjoni tan-nies. Għaldaqstant huwa għażel lil Roberta Metsola.
Il-ħbieb ta’ Delia – Andre Grech, Janice Chetcuti, Doriana Portelli, Nicole Zammit u Anton Debono, f’isem il-vuċi tat-tesserati, ħbieb tal-Kap Adrian Delia, ħarġu ukoll stqarrija.
Għamlu referenza għax-xhieda ta’ David Casa u qalu li din hija kampanja qarrieqa u maħmuġa minn wara dahar il-Kap tagħhom.
Filwaqt li qalu li huma se jagħżlu l-kaxxa oranġjo li tikkonferma l-Kap, qalu li għaddejja kampanja maħduma mill-klikka tad-Deputati elitisti, li jriduha tal-first tier.