Fil-jum li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tlaqqa’ biex jiftaħ it-triq għall-konferma tal-Kap jew elezzjoni ġdida għat-tmexxija tal-partit, esponenti miż-żewġ fazzjonijiet użaw il-gazzetti biex iwasslu l-messaġġi tagħhom u jinfexxu f’tgħajjir lejn xulxin.
Fuq l-Independent, Edwin Vassallo sejjaħ lil dawk kontra Delia bħala prima donnas li ma joqogħdu għal ħadd, lanqas għal Kap li ntgħażel b’mod leġittimu.
Qal lir-ribelli fil-partit li l-interess nazzjonali mhux daqshekk importanti għalihom u akkużhom li ressqu allegazzjonijiet vagi.
“Fuq l-aġenda tagħhom għandhom biss kif se jeħilsu minn Delia u kif se jerġgħu jisirqu x-xena”, saħaq Edwin Vassallo, deputat leali lejn Delia.
B’referenza għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qal li dawn għandhom ossessjoni ta’ mibegħda kontra Delia u jagħmlu bullying mal-votanti sakemm fl-aħħar iġibuha żewġ biex jagħżlu kap ġdid.
Filwaqt li semma sabutaġġ fil-Partit Nazzjonalista huwa staqsa lil dawk kontra Delia, għalfejn ma jitilqux.
Intant fuq it-Times, Therese Comodini Cachia li riedet tilħaq Kap tal-Oppożizzjoni flok Delia kitbet li l-eħfef reazzjoni hija li ngħaddsu rasna fir-ramel.
Qalet li se tagħmel li tista’ biex ikun hemm partit magħqud.
Semmiet li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ viżjoni u jixraqlu li jkun kredibbli, f’botti ċari indirizzati lejn it-tmexxija ta’ Adrian Delia.