Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kompla bl-attakk fuq il-blogger tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil Manuel Delia.
Waqt l-aġġornament parlamentari, id-deputat li qed jappoġġja lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, saħaq li ħadd ma jista’ jkun klassist.
Vassallo stqarr: “Ma tistax tkun liberali u tkun klassista. Ma tistax tkun nisrani u tkun klassista. Int min int, ma tista’ qatt tkun klassista.”
Dan b’referenza għal sensiela ta’ artikli fuq is-sit ta’ Manuel Delia, fejn esponenti viċin Adrian Delia minn deputati sa partitarji, jkunu attakkati kważi ta’ kuljum.
Fost dawn l-attakki kien hemm ir-referenza għall-kelma ‘papisti’ li ntużat minn Manuel Delia fil-konfront ta’ Vassallo, Carm Mifsud Bonnici u l-opinjonist Simon Mercieca.
Vassallo rrimarka li l-eks chief of staff ta’ Austin Gatt juża t-twemmin reliġjuż tagħhom biex jgħajjarhom bih.
Huwa sostna: “Ikun hawn min jinqeda b’dak li temmen fih biex jinsultak bih.”
Vassallo uża l-argument tal-klassiżmu biex jikkritika l-avukat tal-fazzjoni Busuttil Andrew Borg Cardona li ftit tal-jiem ilu qal li hemm nazzjonalisti tat-tielet klassi.
Vassallo qal li Manuel Delia jirraġuna li għax wieħed ikun sinjur jew jaf l-iskola, jista’ jpoġġi lil ħaddieħor fi klassi baxxa.
Huwa saħaq: “Għandna min jaħseb li għandu d-dritt li hu tal-ewwel klassi jew għax għandu l-flus jew għax hu ta’ skola imma b’xi ħaġa jipprova joħloq dik id-differenza li tiddetermina li hu ta’ l-ewwel klassi u ħaddieħor tat-tielet klassi.”