09:09: Fi stqarrija l-pulizija tgħid li l-vittma huwa raġel ta’ 27 sena u nqatel bi sparatura fl-Imqabba. Qalet li żagħżugħ ieħor ta’ 17-il sena ddaħħal l-isptar. Spjegat kif l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ, li qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, għadhom għaddejjin. Il-pulizija kkonfermat dak li rrapporta ONE News aktar qabel li aktar dettalji se jingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li se ssir fl-10:30am fid-Depot, il-Floriana.
07:05: ONE News huwa infurmat li l-pulizija arrestat żewġ persuni suspettati li allegatament kienu involuti fil-qtil ta’ raġel. B’rabta ma’ dan il-każ, raġel ieħor ittieħed l-isptar u minn informazzjoni li ksibna ma jinsabx fil-periklu tal-mewt iżda indarab gravi.
Il-pulizija rnexxielha tarresta żewġ persuni f’Ħal Kirkop ftit tas-sigħat wara l-każ li ħalla żewġ kuġini milquta minn sparaturi. Ir-raġel deher mejjet mal-art fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba iżda mhux eskluż li seta’ miet qabel.
Fil-fatt issemma wkoll li l-isparaturi setgħu seħħew barra l-Imqabba, fil-limiti tal-Qrendi u imbagħad wieħed miż-żewġ persuni milquta baqa’ sejjer l-Imqabba fejn waqaf fi triq li sa ftit tal-ħin kien hemm in-nies qed igawdu spettaklu pirotekniku li kien għaddej bħala parti mill-festival internazzjonali tan-nar.
Nifhmu wkoll li l-isparaturi setgħu saru minn persuna jew aktar li kienu fuq mutur. F’mument minnhom il-karozza Renault li kien fiha l-vittma waqfet fil-post fejn instab mejjet ir-raġel.
Fuq il-post dehret preżenza qawwija tal-pulizija, tim mediku u ambulanzi kif ukoll esperti forensiċi li priservaw ix-xena tar-reat. It-triq ingħalqet mill-pulizija u anki nfetħet inkjesta Maġisterjali. Mhux eskluż ukoll li l-pulizija ssejjaħ lill-ġurnalisti biex tindirizza konferenza tal-aħbarijiet u tispjega d-dettalji tan-natura tal-każ.
00:08: Malti tilef ħajtu fl-Imqabba u ieħor ittieħed l-isptar wara sparatura.
Il-każ seħħ tard l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-11:30pm fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba.
Raġel mejjet fl-Imqabba wara sparatura
Posted by ONE.com.mt on Wednesday, July 29, 2020
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li kien hemm persuni nvoluti fi sparatura li ħalliet raġel mejjet fuq il-post.
Fuq il-post hemm preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija kemm tad-distrett u kif ukoll tar-Rapid Intervention Unit.
Qed jassistu wkoll ambulanzi mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ membri mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/07/30/dalwaqt-konferenza-tal-ahbarijiet-mill-pulizija-brabta-mal-qtil-ta-persuna-li-nstab-mejjet-fl-imqabba/