B’investiment ta’ €90,000 tnieda fond immirat sabiex issostni proġetti ta’ restawr fi knejjes madwar Malta u Għawdex.
Dan tħabbar waqt konferenza mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, il-Kunsill Malti għall-Arti u d-direttorat għar-restawr.
Ġie spjegat kif l-għan wara din l-iskema huwa li tiġi provduta għajnuna finanzjarja għal tiswijiet ta’ natura artistika u li jġorru valur storiku ta’ 50 sena jew aktar.
“Il-proġetti taħt din l-iskema huma propju maħsub li jintgħażlu bejn 4 u 5 proġetti b’limit kkapjati finanzjarjament. It-total fund li se jintuża għal din l-iskema fl-ewwel sena huwa ta’ €90,000.”
Waq konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li din l-iskema tista’ tkopri sa massimu ta’ €15,000 tal-ispejjeż totali tal-proġetti.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti spjega wkoll l-għajnuna li ser ikun qed jagħti l-Kunsill Malti għall-Arti f’din il-kollaborazzjoni.
“Peress li għandna kompetenzi speċjaliżżati ħafna fl-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi abbażi ta’ dawn il-mudelli se ngħinu d-Direttorat tar-Restawr iqassmu dawn il-fondi lill-benefiċċjarji li jikkwalifikaw.”
Intant il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera spjega l-importanza ta’ skemi bħal dawn li jgħinu jkomplu jippreservaw il-patrimonju kulturali Malti.
“Il-fond qsamnih bejn flus li ġibna mil-Arts Council u flus li ġibna mid-Direttorat. Ma tfissirx li ħa nagħtu flus biss għax id-Direttorat li huma esperi naturalment nagħtu l-flus u nagħtu l-gwida wkoll ta’ kif l-aħjar li jistgħu jsiru dawn l-interventi.”