Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar l-attivitajiet tal-massa wara l-aħħar każijiet ta’ Covid-19, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet li kull attività li ssir trid issir b’mod kawt u bilanċjat.
“Jiena rrid nara li kull attività li ssir trid issir b’mod kawt u b’mod bilanċjat. Għaddejjin b’mod kontinwu bid-diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa biex fejn hemm bżonn protocols li jkunu aktar ċari, aktar definiti, iva rridu nersqu ‘l hemm hekk ukoll.”
Spjegat kif għaddejjin b’mod kontinwu diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa biex fejn hemm bżonn, ċertu protokolli jkunu aktar ċari u aktar definiti.
“Nappella illi nħarsu lejn kollox b’mod bilanċjat. Jiġifieri aħna stajna ħarisna lejn mekkaniżmi kif tawna l-pariri uħud ukoll li kienu tobba li qalulna li l-pajjiż kellu jmur għal-lockdown. Naħseb l-approach bilanċjat illi mxejna bih bħala pajjiż għandu jkun ir-riċetta għal kwalunkwe deċiżjoni oħra kollettiva nerġa’ ninsisti tal-Gvern wieħed u magħqud.”
Hija appellat biex inħarsu lejn l-affarijiet b’mod bilanċjat u kull deċiżjoni li titieħed tkun waħda f’direzzjoni bilanċjata.
Saħqet li rridu nħarsu lejn dak li jkun qed jiġri u fakkret kif dan ix-xahar kien hemm ħafna attivitajiet tal-massa iżda ma kellniex sitwazzjonijiet marbuta ma’ infezzjonijiet tal-Covid-19.
Għalhekk saqsiet x’mar ħażin f’każ partikolari.
“U ċertament aħna rridu nkomplu nħarsu lejn dak li jkun qiegħed jiġri. Jiena l-ewwel waħda li nistaqsi x’mar ħażin f’dan il-każ partikolari. Tajjeb li nfakkar li f’dan ix-xahar illi għadda kien hemm ħafna attivitajiet tal-massa u ma kellniex dawn is-sitwazzjonijiet u fid-dover illi aħna b’mod kollettiv mhux biss bħala Gvern iżda anki bħala nazzjon, aħna nippriservaw dak li akkwistajna.”