Il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bdew jivvutaw fl-għażla li poġġa l-eżekuttiv tal-partit dwar jekk it-tesserati jikkonfermawx lil Adrian Delia bħala Kap jew inkella jivvutawx f’elezzjoni oħra għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija, il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech, esponent ieħor viċin il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, spjega li hemm elf sitt mija u tletin kunsillier eliġġibbli biex jivvutaw fl-għażla li tefa’ fuqhom l-kumitat eżekuttiv Nazzjonalista.
Fenech ilu ftit jiem f’din il-kariga wara li Gejtu Vella rriżenja mal-ewwel hekk kif ġie rappurtat li kellu anki ġlieda taħraq fuq it-telefon mal-Kap Adrian Delia.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kien ċaħad dan l-argument, iżda ma ċaħadx li Vella r-riżenja f’inqas minn ġimgħa wara li nħatar.
Sadanittant id-deputati ribelli li sfiduċjaw lil Kap fissru l-jum tal-lum bħala wieħed storiku għaliex il-kunsilliera għandhom għażla.
Fi stqarrija li ħarġu, id-deputati ta’ kontra Delia komplew jimbuttaw għall-għażla ta’ elezzjoni oħra għal Kap Nazzjonalista.
Delia diġà qal li jekk ikun hemm elezzjoni oħra għal Kap huwa jikkontesta hekk kif il-Partit Nazzjonalista għadu mifni bl-inkwiet intern fejn fazzjoni taqta’ saqajn oħra.
Wara l-istqarrija tar-ribelli, ħarġu stqarrija ukoll dawk li sejħu lilhom nfushom ħbieb tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
L-istqarrija ntbagħtet f’isem l-kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali, André Grech, Janice Chetcuti, Anton Debono, Doriana Portelli u Nicole Zammit.
Huma qalu li mill-bidu nett kien hemm sforzi minn Adrian Delia li jbiddel l-istil ġdid ta’ tmexxija, iżda dan ma ntlaqax tajjeb ma’ ftit uħud, b’referenza għal fazzjoni Busuttil.
Appellaw biex jerġgħu jikkonfermaw l-għażla li għamlu għal darba, darbtejn f’votazzjonijiet preċedenti.
Qal li l-kunsilliera għandhom jerġgħu jaffermaw u jonoraw l-vot ta’ dawk l-eluf ta’ tesserati li bl-aktar mod demokratiku vvutaw biex Adrian Delia jkun il-Kap
“Il-ftit li joġġezzjonaw għandhom isibuha ġo qalbhom li flimkien mal-bqija jingħaqdu ħalli l-partit ikompli fil-mixja tiegħu biex jissoda u jerġa’ jkun il-partit li dejjem kien – dak li joffri s-soluzzjonjijiet” stqarru l-ħbieb ta’ Delia.