Illejla fil-Parlament mistennija jgħaddu sitt liġijiet li ressaq il-Gvern bħala parti mir-riformi fil-ġudikatura, it-tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Ħames liġijiet se jkunu qed jgħaddu bil-vot taż-żewġ terzi u huma emendi fil-Kostituzzjoni u liġi oħra se tgħaddi b’maġġoranza sempliċi mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-liġijiet li jirrekjedu vot favur ta’ mill-inqas żewġ terzi huma dawk dwar l-ħatra tal-President tar-Repubblika, il-ħatra tal-ġudikanti, dixxiplina u t-tneħħija tal-ġudikanti, tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman, skrutinju fuq id-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Liġi oħra li trid tgħaddi b’maġġoranza sempliċi hija dik dwar il-ħolqien tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Ilbieraħ filgħaxija, fi stadju ta’ kumitat il-Parlament għadda dawn il-liġijiet biex issa llejla jgħaddu mill-istadju tat-tielet qari.
Fl-aħħar ħin l-Oppożizzjoni vvutat favur ukoll dwar klawsoli u hemm stennija li jkun hemm qbil unanimu fuq il-liġijiet li ressaq il-Gvern.
In-nuqqas ta’ qbil kien l-aktar dwar il-ħatra tal-President li se jibda jintgħażel għall-ewwel darba biż-żewġ terzi.
Dawn il-liġijiet tressqu wara li f’rapport dettaljat ix-xahar li għadda, il-Kummissjoni Venezja laqgħet ħamsa u tmenin fil-mija, li jfisser prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Gvern Malti fir-riformi fil-ġudikatura, tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li issa l-pass li jmiss hu li dawn ir-riformi jgħaddu bħala liġi mingħajr dewmien.
Fil-fatt qabel mal-lejla, il-Parlament jaġġorna għall-btajjel tas-sajf, hu mistenni li jgħaddu dawn il-liġijiet.
Intant f’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fisser dawn il-liġijiet bħala storiċi mindu pajjiżna addotta Kostituzzjoni Repubblikana u imbagħad aktar tard kien intlaħaq ftehim dwar is-sistema elettorali u dak tan-newtralità.