Dr Yvonne Farrugia ġiet maħtura bħala l-Prosekutur Ewropew għal Malta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-EPPO.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn intqal li hija ġiet maħtura wara numru ta’ seħjiet pubbliċi miftuħa fuq livell nazzjonali u wara proċess ta’ għażla fuq livell Ewropew.
Flimkien ma’ Dr Farrugia, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għadu kif ħatar il-21 Prosekutur Ewropew ieħor li se jiffurmaw parti minn dan l-uffiċċju. Dr Farrugia se tipprezenta lil pajjiżna f’dan l-uffiċċju li jinsab fil-Lussemburgu.
Dan l-Uffiċju huwa responsabbli mill-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja, ta’ dawk li huwa awturi jew ankè kompliċi, ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
Responsabbli wkoll minn reati ta’ frodi, miżapproprijazzjoni, korruzzjoni, u frodi transkonfinali tal-VAT ta’ aktar minn €10 miljun. Dan huwa proġett ambizzjuż li Malta kienet fost l-ewwel stati membri li ssieħbet fih fl-2018 u s’issa hemm 22 membru stat.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewroprew għandu jissorvelja l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ dawn ir-reati li jaffettaw il-budget Ewropew.
Dr Farrugia, flimkien mal-prosekuturi l-oħra se jkunu qed jibdew f’dan l-irwol lejn tmiem din is-sena.
L-istqarrija ntemmet billi l-Gvern jawgura lil Dr Yvonne Farrugia għal dan l-irwol prestiġġjuż.