“Inti lili tista’ tibgħatni niġri, taqfilli l-lazz. Torbotli lazz ma’ lazz ta’ żarbuna ma’ żarbuna, tħallini nistabat ma’ l-art u kif nistabat mal-art tgħidli “ii x’arukaża ma ġrejtx. Tort tiegħek.” Le mhux tort tiegħi skużi. Kelli l-lazz maqful.”
Hekk sostna l-eks Segretarju Ġenerali u deputat Nazzjonalista Clyde Puli waqt intervista fuq l-istazzjon F Living, b’reazzjoni għall-kriżi politika li fniet lill-Partit Nazzjonalista.
Waqt intervista li ħadet ftit inqas minn siegħa, Puli fetħilha kontra dawk li sfiduċjawlu l-Kap darba wara oħra mindu tela’ fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Puli sostna li bl-istess raġunament tad-deputati mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, hu kien messu ilu li sfiduċja kapijiet differenti tal-Partit.
Dan wara telfiet elettorali kbar li jmorru saħansitra qabel it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
“Jien fl-aħħar 10 snin missni sfiduċjajt numru ta’ kapijiet għaliex kellek riżultati elettorali mhux tajbin qed tifhem. Jiġifieri meta tlifna tal-MEPS, meta tlifna Kunsill Lokali wara l-ieħor, allaħares qadt nisfiduċja kull darba jien. Mhumiex l-aqwa surveys biex inkunu ċari li kellna però having said that ilhom numru ta’ snin u kien hemm mumenti li ma kienux surveys mhux hekk. Kienu riżultati elettorali.”
Intant fl-istess programm partitarji Nazzjonalisti differenti ddefendew il-fazzjonijiet rispettivi tagħhom biex b’hekk komplew jikxfu fil-beraħ il-qasma tant fonda li għandu l-Partit tal-Maduma.
Partitarju sostna kif minkejja li t-tesserati jeleġġu Kap, jrid ikun hu li jagħmel lilu nnifsu denju għal din il-kariga.
“Meta aħna nlaħħqu Kap mhux inlaħħqu Kap. Nagħtu ċans lill-individwu jsir Kap però Kap hu jrid jagħmel lilu nnifsu. Ħadd ma jagħmlek Kap.”
Madankollu dlonk irribattew dawk li jissimpatizzaw ma’ Delia.
“In-nies ma aċċettatux. Ma nafx għalxiex m’aċċettatux.”
“Dr Delia x’għamel ħażin biex qed jitwarrab minn dan nies.”