Tmien persuni, seba’ irġiel minn Wied il-Għajn, iż-Żejtun u r-Rabat li għandhom bejn 18 u 22 sena u tfajla ta’ 24 sena minn Birżebbuġa ġew arrestati wara li nqabbdu bid-droga.
Dawn iż-żgħażagħ ġew arrestati waqt li rejd li għamlu l-pulizija tard il-Ħadd wara nofsinhar fi stabbiliment li jinsab fil-limiti tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn.
Waqt dawn ir-rejd, il-Pulizija sabet sustanzi suspettati kannabis u kokaina, kif ukoll xi oġġetti relatati mal-użu tad-droga.
Aktar tard, il-Pulizija għamlet tfittxija f’residenza u garaxx ta’ wieħed mill-irġiel arrestati f’Wied il-Għajn, fejn hemmhekk instabu iżjed sustanzi supettati ħaxixa tal-kannabis, eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.