F’Ġunju l-qgħad naqas bi 3% meta mqabbel max-xahar ta’ qabel biex b’hekk, għal kontra ta’ pajjiżi oħra madwar id-dinja, pajjiżna qed ikollu suċċess ukoll fil-ġlieda kontra l-qgħad, wara l-pandemija.
Statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO uriet li fi tmiem Ġunju l-ammont ta’ nies jirreġistraw għal impjieg naqas għal 4,270 meta imqabbel ma’ 4,409 fi tmiem Mejju.
B’hekk kien hemm tnaqqis ta’ 139 persuna.
Fi stqarrija l-Gvern qal li kull ġurnata f’Ġunju madwar 5 persuni ma baqgħux ikollhom bżonn jirreġistraw għax sabu impjieg.
Il-Gvern fakkar li l-ammont ta’ persuni jirreġistraw huwa ferm anqas mill-medja storika ta’ pajjiżna.
Fil-fatt f’Marzu 2013, qabel il-bidla fil-Gvern, kien hemm 7,350 persuna jirreġistraw, jew 72% aktar mil-livell preżenti.
Saħansitra fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien kważi mess it-8,000.
L-ogħla ammont ta’ qgħad f’pajjiżna mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea kien f’Settembru 2004, meta ċ-ċifra ta’ dawk ma jaħdmux kienet laħqet 8,197 persuna.
Dan huwa kważi d-doppju tal-livell li kien hemm ix-xahar li għadda.
Intant nofs it-tnaqqis fil-qgħad li seħħ matul ix-xahar ta’ Ġunju kien fost dawk li qed ifittxu xogħol maniġerjali, professjonali jew tekniku.
L-akbar tnaqqis fil-qgħad seħħ fost dawk ta’ età bejn 30 u 44 sena, segwit b’dawk ta’ età bejn 20 u 24 sena. Kwart tat-tnaqqis fil-qgħad seħħ fil-gżira Għawdxija.
Il-Gvern irrimarka li t-tnaqqis fil-qgħad jidher li beda wara t-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ser jitfa’ €900 miljun fil-bwiet tal-familji u n-negozji.
Saħaq li dan il-pjan qed jagħti kunfidenza ġdida lill-konsumaturi li għall-ewwel darba fl-istorja ngħataw vouchers mill-Gvern biex jonfquhom fl-ekonomija tagħna.
Dan filwaqt li ngħata suppliment anke aqwa bħala ammont lil dawk fuq l-inwork benefit.
Il-Gvern temm jgħid li se jkompli bil-ħidma ħalli aktar persuni jsibu impjieg ġdid u b’hekk pajjiżna jirriġenera l-ekonomija u joħloq il-ġid li jasal għand kulħadd.
Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon dawn ir-riżultati, permezz ta’ tweet. Huwa qal kif il-pjan ta’ Għada Aħjar diġà qed itejjeb ħajjet in-nies.
On average in June every day 5 #unemployed persons found a #job. Our plan for a #bettertomorrow is already improving people’s lives – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 27, 2020