Il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għalaq il-Konferenza Ġenerali Straordinarja fir-Rialto f’Bormla, stqarr li llum għandna l-ikbar kuntrast bejn iż-żewġ partiti politiċi prinċipali f’pajjiżna. Stqarr li fuq naħa għandek il-Partit Nazzjonalista li jħarsu lejn in-nies skond il-klassi soċjali li jinsabu fiha. Innota kif rajna deputati Nazzjonalisti li ftaħar li ser itella’ partitarju tal-Partit Nazzjonalista l-Qorti u li ma jibżax minnu. Dan b’kuntrast mal-moviment tal-Partit Laburista li huwa miftuħ għal kulħadd.
Huwa stqarr li fil-Partit Laburista hemm spirtu ta’ familja u n-nies dan jarawh tant li llum jarawh bħala familja wiesa’ li lesta tilqa’ lil kulħadd.
Stqarr li l-importanti huwa li l-istabbilità li hemm fl-oppożizzjoni irridu naraw li din tibqa’ fl-oppożizzjoni u ma taffetwax il-Pajjiż. Innota kif meta jara dan l-aġir minn Deputati tal-Partit Nazzjonalista, jaħseb fuq x’kapaċi jagħmlu jekk dawn l-istess deputati jingħataw il-poter tat-tmexxija tal-pajjiż.
F’dan l-isfond l-għaqda tibqa’ ċ-ċavetta ta’ kollox.
Stqarr li fuq in-naħa l-oħra tal-munita għandek Gvern li għeleb problemi bla preċedent. Stqarr li pajjiżna għadda minn xhur diffiċli iżda fejn f’dan iż-żmien intwera b’mod ċar kemm dan il-gvern kien magħqud f’direzzjoni waħda. Stqarr li s-suċċess li kiseb pajjiżna f’din il-pandemija li laqtet id-dinja ma kienx kumbinazzjoni iżda permezz ta’ deċiżjonijiet importanti li ttieħdu fil-ħin opportun.
Lil min qed jipprova jdaħħal il-biża f’moħħ in-nies anke issa, huwa stqarr li dawn m’għandhomx ċans. Stqarr li pajjiżna issa reġa’ lura għal-normalità sħiħa.
Stqarr li wara l-pandemija, naqqsu n-nies jirreġistraw u inħolqu erbat’ elef impjieg ġdid. Dan b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra fejn il-pandemija wasslet biex il-qgħad jgħolli rasu.
Fuq il-kisba li pajjiżna għamel t’allokazzjoni rekord ta’ fondi ewropej għas-seba’ snin li ġejjin huwa stqarr li in-negozjati kienu diffiċli għaliex seta’ jgħati l-kas li s-suċċess ta’ pajjiżna jaħdem kontrina. Qal li dan ma seta’ qatt jaċċettaħ. Spjega kif kellhom isiru riformi kbar fuq is-saltna tad-dritt f’pajjiżna sabiex fin-negozjati pajjiżna seta’ jidħol b’wiċċu minn quddiem. Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan juri l-pożittività li l-pajjiżi u istituzzjonijiet ewropej iħarsu lejn pajjiżna.
Fuq ir-riformi dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna innota kif biex ikunu implimentati l-proposti li anke l-oppożizzjoni ilha xhur tħambaq dwarhom, issa li nhar l-Erbgħa mistenni jitteħed il-vot fil-Parlament li hemm bżonn iż-żewġ terzi tal-kamra sabiex dawn jgħaddu, stqarr li sal-lum għadu mhux magħruf kif ser jivvutaw id-deputati tal-oppożizzjoni. Appella lill-kap tal-oppożizzjoni sabiex ma jħallix lil min idaħħlu ġo ħajt iżda jkun mal-gvern u jivvota favur riformi li hemm qbil dwarhom mill-istituzzjonijiet ewropej u l-approvazzjoni tal-kummissjoni Venezja. Huwa assigura lill-oppożizzjoni li jekk huma ser ikunu fuq in-naħa tat-tkissir il-pajjiż m’hu ser jaħfirilhom qatt. Madankollu, stqarr li jekk il-vot tal-Erbgħa ma jgħaddix, il-Gvern ser jibqa’ kommess li dawn ir-riformi bżonnjużi isiru. Dan għaliex dan il-gvern jemmen fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.