Din il-ġimgħa, ħaddieħor qed ilaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jinfired u jiddgħajjef. Aħna qed inlaqqgħu l-Konferenza Ġenerali biex ningħaqdu u nkomplu nissaħħu.
Hekk beda d-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Ferane, fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista.
Fil-mitt sena li qed tfakkar it-twaqqif tal-Partit Laburista, Chris Fearne qal li Daniel Micallef u Ramona Attard huma eżempju ċar ta’ kemm il-Partit Laburista huwa żagħżugħ, u saħaq fuq il-bżonn li jkomplu jsiru l-bidliet meħtieġa biex il-Partit ikompli jiġġedded.
Spjega kif “Tmien snin fil-Gvern huma ħafna, imma l-pjanijiet, il-viżjoni, il-proġetti li għandna għal dal-pajjiż, tmien snin huma ftit. Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu, għalhekk importanti li nibqgħu fil-Gvern u biex nibqgħu fil-Gvern, biex nibqgħu nirbħu, irridu nkomplu ninbidlu.”
Chris Fearne fakkar kif f’dawn l-aħħar seba’ snin u nofs ta’ Gvern Laburista sar ħafna ġid, frott l-għaqda li teżisti fil-Partit u fil-Gvern.
Irrikonoxxa li kien hemm affarijiet li setgħu saru aħjar, imma l-Partit Laburista huwa bilgħaqal u kuraġġuż b’tali mod li kapaċi jibdel fejn żbalja.
Semma eżempju konkret dwar il-każ tal-Vitals Global Healthcare.
Qalet kif “Kont jien bħala Ministru tas-Saħħa, tramite l-membri Laburisti tal-Public Accounts Committee tal-Parlament, li tlabna lill-Awditur biex jinvestiga l-għoti tal-kuntratt u l-kuntratt tal-VGH u allura bħalma kellna l-għaqal u l-kuraġġ li nitolbu dar-rapport, issa li ħareġ ir-rapport, għandna l-għaqal u l-kuraġġ li dak li hemm bżonn nibdlu, nibdluh ukoll.”
Chris Fearne temm jgħid li l-Partit Laburista ma jibżax jagħraf is-sewwa, u appella lil dawk preżenti biex jibqgħu jħarsu l-valuri tal-Partit Laburista biex il-moviment ikompli jissaħħaħ u jmexxi l-pajjiż.