Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef stqarr li l-viżjoni tiegħu hija bbażat fuq tlett punti prinċipali. Il-punt tat-tluq huwa li l-Partit Laburista huwa partit b’saħħtu iżda b’ħafna x’hemm x’jittejjeb. Stqarr li huwa issa l-mument li jkunu implimentati l-bidliet li hemm bżonn. Huwa ippropona kummissjoni immexxija minn Louis Grech sabiex sa mhux iktar tard minn Settembru ta’ din is-sena, ir-riformi li hemm bżonn ikunu implimentati.
Appella lill-fergħat tal-Partit Laburista sabiex jmexxu l-ideat tagħhom. Stqarr li jrid jissaħħaħ ukoll il-kunċett ta’ moviment. Stqarr li issa rridu nassiguraw li l-ħitan li ħottejna ma jerġgħu jitilgħu qatt. Stqarr li jrid jintbgħat messaġġ b’saħħtu li dan il-moviment huwa d-dar naturali ta’ kulħadd.
Sostnali l-istorja tiegħu fil-Partit turi kif għall-Partit Laburista m’hemmx klassijiet soċjali aħjar minn oħrajn.
Innota kif il-Partit Laburista għandu jkabbar ix-xogħol tiegħu sabiex jikseb l-irwol ta’ ‘stakeholder’ ġenwin li jżomm il-Gvern kontabbli. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu imnedija għaxar policy fori sabiex ifasslu t-triq il-quddiem. Stqarr li dawn ser iservu biex jikber is-sens ta’ djalogu. Dan filwaqt li stqarr li ser ikun qed jikkordina sabiex fl-għeluq il-mitt sena tal-Partit dawn il-policy fori ifasslu mitt oġġettiv għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Dawn ser ikunu linji gwida li jfasslu t-triq il-quddiem għal dan il-pajjiż.
Huwa spjega wkoll kif l-ekonomija wkoll għandha importanza kbira fit-tmexxija tal-pajjiż. Stqarr li ċ-ċavetta hija waħda ta’ bilanċ u regolamentazzjoni. Appella li fejn hemm nuqqasijiet dawn iridu jkunu indirizzati iżda m’għandu jitħalla ħadd jikteb l-istorja li mhux veritiera hekk kif il-Maltin qed iħossu l-ġid tal-aħħar seba’ snin. Qal li l-futur jidher sabiħ iżjed fid-dawl tal-allokazzjoni rekord ta’ fondi ewropej għal pajjiżna għas-seba’ snin li ġejjin. Semma’ l-ittra li intbgħatet lill-Prim Ministru mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fejn innotat ir-riforma kbar li qed isiru dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li kif kien appella lill-Prim Ministru qabel biex jieħu d-deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn, illum jgħidlu li l-Partit ser ikun warajh f’dawn id-deċiżjonijiet. Appella lill-membri tal-Partit Laburista biex ikunu miegħu f’din il-ħidma għall-pajjiżna.