Ingliża ta’ 49 sena li toqgħod San Pawl il-Baħar tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’argument ma’ Sirjan ta’ 39 sena li joqgħod Ħal Balzan.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10:45 ta’ filgħaxija fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn sabu lill-mara mitluqa mal-art. Tim mediku ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura serja.
Ir-raġel qed jiġi mitkellem mill-Pulizija, filwaqt l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke ġiet informata bil-każ u ordnat li ssir inkjesta. Il-Maġistrat ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.