L-Eks kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius, żelaq fin-nixef meta pprova jaqta’ kemm Malta se tkun qed tattira f’fondi għall-baġit ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Fi stqarrija fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook lura fit-23 ta’ Frar, meta n-negozjati kienu diġà bdew, Agius sostna li Malta se tattira inqas flus f’fondi strutturali u ta’ koeżjoni minn kemm kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-2013.
Skont Agius, għall-baġit ewropew 2021 u 2027, Gvern Laburista kien ser jikseb biss €597 miljun f’fondi strutturali u ta’ koeżjoni.
Huwa rrimarka li meta dan jitqabbel mas-€786 miljun li kiseb Gvern Nazzjonalista fl-2013, kien se jkun hemm differenza ta’ xejn inqas minn €189 miljun.
Madankollu rriżulta li fit-tentattiv li jiddefendi l-Gvern ta’ GONZIPN, Peter Agius żgarra mhux ftit dwar din iċ-ċifra.
Dan hekk kif fl-akbar pakkett ta’ fondi ewropej li qatt inkiseb għall-pajjiżna, Gvern Laburista irnexxielu mhux biss jilħaq is-somma tal-Partit Nazzjonalista f’fondi strutturali u ta’ koeżjoni iżda jaqbiżha bil-kbir.
Fil-fatt bħala parti minn pakkett ta’ €2.25 biljun, Gvern Laburista kiseb €842 miljun f’fondi struttural u ta’ koeżjoni.
Meta mqabbel dak li kiseb il-Partit Nazzjonalista fin-negozjati ta’ 7 snin ilu, dan jammonta għal żieda ta’ €56 miljun.
Meta wieħed iqis ukoll il-fondi allokati mill-pakkett ta’ rkupru ‘Next Generation EU’ Gvern Laburista b’kollox kiseb €934 miljun f’fondi strutturali u ta’ koeżjoni.
Żieda ta’ €148 miljun meta mqabbel ma’ dak li kien miksub fl-2013.
Dan is-suċċess irid jittieħed ukoll fl-isfond ta’ Brexit, li wassal biex l-Unjoni Ewropea titlef it-tieni l-akbar kontribuzzjoni tagħha ta’ €75 biljun fil-budget kollu.
Dakinhar Peter Agius appella biex il-poplu ma jiblax l-iskuża ta’ Brexit li jiistgħu jinkisbu inqas fondi ewropej.
5 xhur wara, minkejja dawn id-diffikultajiet, Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela xorta kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja ta’ pajjiżna.