Il-kumitat tal-baġit tal-Unjoni Ewropea approva n-nomina tal-eks Ministru Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Dan bi ħdax-il vot favur, disa kontra u astensjoni.
Brincat issa jsir it-tielet rappreżentant għall-pajjiżna, wara Josef Bonnici u Louis Galea. Dan wara l-voti tal-Parlament Ewropew u l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Din il-Qorti, stabbilita fl-1977 fil-Lussemburgu, taċċerta li l-fondi tal-Unjoni Ewropea jinġabru u jintużaw kif għandu jkun. Tgħin ukoll biex ittejjeb l-immaniġġjar finanzjarju tal-Unjoni. Fiha jkun hemm membru minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Is-smigħ li sar illum kellu jsir f’Ġunju li għadda iżda ġie pospost minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Dawn ix-xhur fissru studju, riċerka u preparazzjoni biex Brincat laħaq l-aspettattivi tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.