L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu DBRS, reġgħet ikklassifikat l-ekonomija ta’ pajjiżna fil-livell A high. B’kuntrast, mindu faqqgħet il-pandemija, l-istess aġenzija rrevediet għal negattiv l-outlook tar-rating ta’ pajjiżi bħal Franza, l-Italja u r-Renju Unit.
Minkejja li pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja għadda mill-pandemija, din l-aġenzija li ma tħares lejn wiċċ ħadd żammet l-ogħla klassifikazzjoni tal-ekonomija għal Malta li tat fi Frar li għadda. Fl-osservazzjoni tagħhom, l-esperti tad-DBRS qalu li l-qagħda ekonomika ta’ Malta għandha xejriet stabbli anki minħabba l-andament ekonomiku u fiskali b’saħħtu li kellna fl-aħħar snin.
Għalkemm l-esperti jgħidu li bl-isfidi li kull ekonomija għandha minħabba l-effetti tal-imxija, l-ekonomija Maltija se tirpilja. Ir-rapport tad-DBRS isemmi li l-potenzjal għal tkabbir ekonomiku se jibqa’ wieħed b’saħħtu u fuq it-3%. L-esperti ta’ din l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu semmew l-għajnuniet li ta l-Gvern u qalu kif dawn waqqfu milli jintilfu l-impjiegi.
DBRS tistma li l-budget ta’ pajjiżna se jerġa’ jibda jibbilanċja mis-sena d-dieħla, anki jekk għalissa waqqfu s-sensiela ta’ surpluses minħabba li l-Gvern kien jeħtieġlu jintervjeni u jwieżen u jgħin lin-negozji.
Hawnhekk, ir-rapport isemmi l-pakketti t’għajnuna li ta l-Gvern fosthom id-diferiment tal-ħlasijiet tat-taxxa, l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi ta’ ħaddiema li partikolarment intlaqtu mill-imxija u anki jissemma l-akbar investiment infrastrutturali fl-industrija li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro. Dan l-investiment infrastrutturali fl-industrija jammonta għal erba’ mitt miljun ewro.
Fl-evalwazzjoni tagħhom, l-esperti tad-DBRS spjegaw kif id-dejn pubbliku mistenni jibqa’ fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jirrimarka wkoll li l-klassifikazzjoni eċċellenti li ngħatat issa Malta huwa anki minħabba s-saħħa finanzjarja li għandhom il-familji.
“Il-kriżi fil-qasam tas-saħħa minħabba l-pandemija kienet waħda minima meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea”, sostnew l-esperti ta’ din l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu bbażata fil-Kanada. Huma għalhekk ħarsu wkoll lejn in-numru baxx ta’ infezzjonijiet li kellu pajjiżna.
Hekk kif laqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar klassifika lil pajjiżna milll-aġenzija, il-Gvern innota wkoll li din u esperti internazzjonali oħra li qalu li l-ekonomija Maltija se tbati inqas mill-bqija taż-żona ewro. Ikkonfermaw ukoll li t-tkabbir f’Malta se jibqa’ b’saħħtu grazzi għall-miżuri tal-Gvern li pprevjenu milli jintilfu l-impjiegi.
Hawnhekk kien innutat ukoll li l-awtoritajiet f’Malta qed jimplimentaw riformi li ssejħu bħala ‘ambizzjużi’ fejn tidħol il-governanza, li huma riflessjoni wkoll ta’ indikaturi ta’ governanza li stipula l-Bank Dinji. Fl-istess ħin fakkru kif il-Kummissjoni Venezja stess laqgħet il-proposti leġiżlattivi tal-Gvern.
Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern temm isostni r-rieda li jżid il-pass ta’ riformi biex il-qagħda ekonomika u soċjali tkompli tissaħħaħ.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna wkoll laqa dan ir-rapport pożittiv ieħor dwar Malta, u nnota li dan isegwi klassifika oħra li ngħatat lil Malta aktar kmieni dan ix-xahar. Hawn, l-aġenzija Fitch kienet ikkonfermat il-klassifikazzjoni ta’ Malta fil-livell A (High) u stabbli.
Fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela wkoll laqa’ din l-aħħar klassifikazzjoni eċċellenti għal Malta, u ddeskriva dan bħala vot ieħor ta’ kundifenza f’ħidmet il-Gvern.