44 rekluta temmew b’suċċess l-40 kors bażiku ta’ taħriġ għal rekluti fil-Korp tal-Pulizija.
Ir-rekluti ta’ din is-sena jammontaw għal 33 raġel u 11-il mara. 9 minn dawn ir-rekluti huma minn Għawdex.
Matul il-perjodu ta’ taħriġ, ir-rekluti tħarrġu f’diversi oqsma ta’ xogħol fil-Korp tal-Pulizija fosthom ix-xogħol fl-għasses u fil-komunità, kif jimtlew ir-rapporti, il-proċeduri fil-Qrati, oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta, kif jassistu vittmi ta’ kriminalità u anke kif jittrattaw ma’ persuni li jkunu se jikkommettu suwiċidju.
Tħarrġu wkoll fl-użu tal-armi fosthom l-użu tal-pepper spray, it-taser gun u l-arma tan-nar.
Fiċ-ċerimonja li saret fil-Forti Sant’ Iermu, ingħata rikonoxximent lil Sarah Galea bħala l-aqwa rekluta.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.